Enerġija Lokali

‘Musical chairs’ biex jevitaw li tinġarr responsabbilità għad-deċiżjonijiet ħżiena li ttieħdu mill-politiċi Laburisti – PN

Il-ħatra ta’ Jonathan Cardona bħala Kap Eżekuttiv tal-Enemalta hija konferma oħra li Robert Abela huwa kontinwazzjoni ta’ Joseph Muscat u ser isservi biss biex il-Gvern u Partit Laburista jippruvaw ikomplu jgħattu l-iskandli u l-abbużi kollha li seħħew matul l-aħħar 8 snin.

Il-ħatra ta’ Jonathan Cardona bħala Kap Eżekuttiv tal-Enemalta turi kemm Robert Abela u Miriam Dalli ma jemmnux fil-meritokrazija meta huwa ċar għal kulħadd li Jonathan Cardona m’għandu l-ebda kredenzjonali u esperjenza fis-settur tal-enerġija.

Il-Partit Nazzjonalista jfakkar li Jonathan Cardona huwa persuna li kien u għadu viċin ħafna ta’ Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi tant li kien għal numru ta’ snin fdat bl-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza flimkien ma’ Henley & Partners li hija wkoll waħda mir-raġunijiet li wasslet biex pajjiżna jiġi greylisted.

Jonathan Cardona saħansitra kien spalla ma’ spalla ma’ Joseph Muscat jiċċelebra u jippoża ma’ Joseph Muscat meta ġiet ippubblikata l-inkjesta Egrant u kien parti mis-sistema tal-Gvern Laburista li permezz tagħha ħataf u kkontrolla l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna. Il-Partit Nazzjonalista jqis il-ħatra ta’ Jonathan Cardona bħala parti minn logħba ta’ musical chairs intiża biss biex tevita li tinġarr responsabbilità għad-deċiżjonijiet ħżiena li ttieħdu mill-politiċi Laburisti. Il-Partit Nazzjonalista ser ikompli jinsisti li l-flus li nsterqu mill-bwiet tal-Maltin u l-Għawdxin jintraddu lura fost oħrajn minħabba r-rabta li nixtru bilfors l-elettriku mill-power station tal-Electrogas anke meta ma jkunx l-irħas sors tal-elettriku.