Lokali Qorti

Sena u nofs ħabs fuq serq ta’ għodda u mobajls

Raġel ta’ 46 sena minn Birkirkara u li għandu problema ta’ droga ġie kundannat 18-il xahar ħabs mill-Maġistrat Rachel Montebello wara li ammetta li seraq għodda u mobajls. Stephen Zammit ammetta li fit-13 ta’ Mejju, 2019, seraq minn ħanut tal-għodda f’Birkirkara stess u dan għall-ħabta ta’ 12.20pm., li fid-29 ta’ Lulju, 2019 seraq għadda ta’ mobajls u oġġetti oħra minn ħanut f’Ħal Balzan għall-ħabta tal-10.10am.

Il-Qorti sabitu ħati għall-akkużi ta’ serq iżda mhux ħati li kiser ordni ta’ probation. Fis-sentenza tagħha, il-Qorti kkunsidrat li Zammit kien diġà ġie trattat għall-ksur tal-ordni tal-probation u għaldaqstant ma setgħetx terġa’ tittratta miegħu għall-istess reati li kien diġà ġie kkundannat u skonta l-piena fuqha ta’ 17-il xahar ħabs.

Il-Qorti kkunsidrat ukoll fis-sentenza tagħha qalet li minkejja li Zammit ingħata diversi opportunitajiet biex jirrifforma ruħu matul is-snin huwa naqas milli jagħmel dan u lanqas ried jirrikonoxxi li għandu vizzju serju tal-abbuż mid-droga li jeħtieġ jindirizza.

Il-Maġistrat Montebello qalet li ma jridx jerfa’ r-responsabbiltà għal għemilu u mhuwiex interessat li jirriforma ruħu. Il-Qorti għldaqstant qalet li ma tħossx li huwa opportun li tagħti lill-ħati ordni sabiex jagħmel xogħol fil-komunità. Dan għax tkun qed taħli l-ħin u r-riżorsi tal-istituzzjonijiet.

Tenniet li huwa ovvju li jeħtieġ li jingħata trattament biex jegħleb il-vizzju tad-droga. Kien għalhekk li flimkien mas-sentenza ta’ ħabs, huwa ġie ordnat li jagħmel tliet snin trattament biex jegħleb id-dipendenza tiegħu fuq id-droga. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Christabelle Chetcuti.