Edukazzjoni Lokali

Studenti rrabjati għan-‘numerus clausus’ fil-kors tal-liġi

Studenti tal-ħames sena tal-liġi, il-Ħamis filgħodu, sebħu kmieni ħafna fl-Università ta’ Malta b’uħud saħansittra jqattgħu lejl sħiħ fil-kju, wara li ġew infurmati illi fit-8am kellhom jiftħu l-applikazzjonijiet għall-electives tas-sena akkademika – jiġifiri l-għażla tas-suġġetti.

F’dan il-kors tal-liġi hemm aktar minn 100 student, iżda l-maġġoranza tas-suġġetti għandhom numerus clausus, jew limitu ta’ 25 student. Dan ifisser, li għalkemm l-istudenti jistgħu jagħżlu s-suġġett li jridu, ftit kienu dawk li rnexxilhom jagħżlu dak li xtaqtu u kellhom jibqgħu b’dak li kien fadal.

Din is-sitwazzjoni tal-Ħamis filgħodu żviluppat wara li l-applikazzjonijiet inizjalment kellhom jiftħu t-Tnejn li għadda, iżda l-fakulta naqste milli tikkomunika il-ħin it-tajjeb lill-istudenti.

Riżultat ta’ dan, kien hemm studenti li saħansittra kkampjaw fl-Università sa minn nofsillejl biex jilħqu jkunu minn tal-ewwel ħalli jirreġistraw isimhom. F’ħin minnhom, inqalgħet ukoll kommossjoni barra l-fakulta’.

Fil-ħamsa ta’ filgħodu l-parkeġġ ta’ biswit il-fakultà tal-liġi kien diġa mimli. U minn informazzjoni li kiseb Net News, sa dak il-ħin kien hemm diġa’ madwar 80 student jistennew.

Intant, wara dawn l-iżviluppi kollha, tlaqqa’ il-board tal-faklutà tal-liġi biex ikunu diskussi x’passi għandhom jittieħdu wara dak li seħħ il-Ħamis filgħodu. Involut f’din il-laqgħa kien hemm ukoll id-dekan tal-fakultà.