Internazzjonali

Tajwan: Talanqas 46 mejtin fost in-nirien li ħakmu bini residenzjali u kummerċjali

Talanqas 46 persuna mietu waqt li għexieren oħra spiċċaw serjament midruba fost nirien li ħakmu blokk bini kummerċjali – għoli tlettax-il sular – u li jinkludi wkoll ir-residenzi għan-nies.

It-traġedja, li qed tkun investigata, seħħet fl-inħawi ta’ Kaohsiung, lejn in-nofsinar tat-Tajwan, bl-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż, fl-aħħar sigħat, jesprimu n-niket tagħhom għall-ħajja mitlufa.

Il-kawża tan-nirien – li qabdu fis-sigħat bikrin tal-Ħamis – baqgħet mhix spjegata u meta fl-aħħar sigħat kien hemm numru kbir ta’ investigaturi fl-inħawi biex jindagaw dwar iċ-ċirkustanzi li ħallew riżultati daqstant traġiċi.

Ir-rapporti minn Kaohsiung qalu li l-iskwadri għal kontra n-nirien damu aktar minn erba’ sigħat biex iġibu s-sitwazzjoni taħt kontroll.

Dan waqt li l-aħħar sigħat, għexieren ta’ nies kienu qed jittieħdu l-isptar għall-kura fejn instabu li qed isofru minn ħruq serju. Jidher ukoll li numru ta’ midruba laħqu mietu l-isptar mill-ġrieħi serji li ġarrbu b’kawża tan-nirien f’Kaohsiung.

Sadanittant hemm ukoll 20 midruba oħra rappurtati f’kundizzjoni serja.

Aktar kmieni, l-uffiċjali kienu wissew dwar il-possibbiltà li diversi nies spiċċaw maqbudin fil-parti residenzjali tal-bini – bejn is-seba u l-ħdax-il sular tal-kumpless –waqt l-eqqel tan-nirien.

Dan waqt li kompliet it-tfittxija għall-persuni rrappurtati nieqsa, bi qrabathom jistennew b’ansjetà għall-aħbar dwar l-għeżież tagħhom.

Numru ta’ residenti fl-aħħar sigħat qalu wkoll li, qabel in-nirien, kienu semgħu tifqigħa kbira li nstemgħet bħal splużjoni mill-inħawi tal-bini.

Sadanittant, l-isforzi tas-salvataġġ spiċċaw aktar ikkumplikati minħabba l-istruttura tal-bini li, fil-parti kbira, inqerdet min-nirien u anki minħabba l-munzelli tat-tifrik lejn in-naħat t’isfel tal-bini.

Dan waqt li l-uffiċjali mas-servizzi għall-emerġenzi ħeġġew lill-pubbliku biex jikkoopera u ma jtellifx mill-aċċessibbiltà għas-sit inkwistjoni.

Is-sezzjoni ta ‘isfel tal-bini darba kienet riservata għar-ristoranti, swali taċ-ċinema u karaoke bars iżda qed jidher li dawn inqerdu kollha fin-nirien.

Fl-istess ħin, sar magħruf li ħafna mir-residenzi fl-appartamenti ta’ dan il-blokk huma anzjani jew persuni li jbatu minn xi forma ta’ diżabbiltà.