Lokali

42 sena mill-attakk fuq id-dar tal-familja ta’ Eddie Fenech Adami

Il-15 t'Ottubru 1979 kien jum iswed fl-istorja politika ta’ Malta magħruf bħala 'It-Tnejn l-Iswed'

L-avvenimenti li seħħew fil-15 t’Ottubru 1979 jibqgħu mniżżla fl-istorja tal-pajjiż bħala ‘It-Tnejn l-Iswed’.

Din hija l-ġurnata li fiha grupp ta’ paritarji Laburisti attakkaw u kissru d-dar tal-familja tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Eddie Fenech Adami.

Fl-istess ġurnata, dawn il-partitarji Laburisti kissru u ħarqu l-istamperija ta’ The Times fil-Belt kif ukoll kissru tliet każini tal-Partit Nazzjonalista.

Din il-vjolenza titpoġġa fil-kuntest tal-vjolenza politika li kienet titwettaq dak iz-zmien u li fiha partitarji Laburisti kienu organizzati biex jattakkaw attivitajiet politiċi tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista.

Attakki sistematiċi li fihom mhux biss tkissru l-każini iżda kienu feruti gravament in-nies.

Dakinhar tal-15 ta’ Ottubru 1979, partitarji Laburisti daħlu l-Belt u attakkaw il-każini Nazzjonalisti tal-Floriana u tal-Belt. Wara huma kissru wkoll l-istamperija ta’ The Times fil-ħin li l-ħaddiema kienu ġewwa qed jistampaw il-ġurnal tas-16 ta’ Ottubru 1979 biex imbagħad il-ħaddiema ħarbu minn fuq il-bjut.

Wara l-attakki fuq l-istamperija tat-Times, il-gazzetta Times of Malta mill-għada sat-3 ta’ Novembru baqgħet tiġi stampata fl-istamperija tal-Partit Nazzjonalista.

Mill-Belt, il-Laburisti marru Birkirkara fejn kissru l-Kazin Nazzjonalista ta’ Birkikara fi Triq il-Wied u minn hemmhekk telgħu għal Triq il-Kbira u ftit metri ‘l isfel mill-Għassa tal-Pulizija attakkaw u kissru d-dar tal-familja tal-Kap tal-PN ta’ dak iż-żmien Eddie Fenech Adami.

Waqt li kien qed isir dan it-tkissir…l-Istazjon Nazzjonali jxandar gidba u jgħid li partitarji Nazzjonalisti qed ikissru l-Każin Laburista ta’ Birkirkara, meta għall-kuntraraju kien il-każin Nazzjonalista li kien qiegħed jitkisser.

Wara dawn l-attakki ssoktaw manifestazzjonijiet kbar inkluż mass meeting fl-20 ta’ Ottubru fi Triq il-Kbira f’Birkirkara. Hemm kien sar appell minn Eddie Fenech Adami, appell ta’ Kap li fittex l-għaqda u l-kalma, meta saħaq li l-PN se jibqa’ jiddefendi d-drittijiet tal-Maltin, tal-libertà tal-espressjoni.

Theddida li llum, f’Malta qed issir b’metodi differenti bil-PN  jibqa’ t-tarka tal-libertà u l-ġustizzja.