Internazzjonali

Afganistan: Għexieren ta’ mejtin u midruba waqt attakk fuq moskea ta’ Kandahar

Mietu ‘il fuq minn 20 fi splużjoni li qerdet moskea tax-Xiti fil-belt ta’ Kandahar u fost suspetti li l-istraġi kien ikkaġunat minn aggressur suwiċida.

Iċ-ċifra tal-mejtin mistennija titla sew fost il-konferma li l-isplużjoni ħalliet ukoll l-għexieren tal-midruba.

L-attakk seħħ proprju waqt it-talb tradizzjonali ta’ nhar ta’ Ġimgħa għall-Iżlamiċi, u meta dritt wara l-isplużjoni dehru kwantità ta’ katavri mifruxa fil-moskea, bid-devoti li salvaw jiġru ma kullimkien fost il-paniku u konfużjoni.

Uħud min-nies fl-inħawi tal-moskea qalu, wara, li kienu semgħu tliet splużjonijiet – b’waħda minnhom isseħħ viċin il-bieb prinċipali tal-kumpless.

It-talb ta’ nhar ta’ Ġimgħa jirrifletti perjodu ta’ devozzjoni partikulari għall-Musulmani u l-moskea ta’ Kandahar kienet ippakkjata bid-devoti fil-ħin tal-isplużjoni.

Fl-aħħar sigħat ukoll waslu numru kbir ta’ ambulanzi fuq il-post fost rapporti li ħafna mill-midruba kienu f’periklu li jitilfu ħajjithom.

Il-qawwiet speċjali tat-Taliban – li fl-aħħar ġimgħat ikkonsolidaw il-poter fl-Afganistan — issa żiedu s-sigurtà fis-sit tal-isplużjoni u l-madwar waqt li ħarġu s-sejħiet biex in-nies jagħtu d-demm bħala għajnuna lill-midruba.

Sadanittant, l-aħħar indikazzjonijiet kienu li l-IS-K – il-fergħa lokali tal-grupp terroristiku ISIS – kellu jassumi responsabbiltà għall-attakk ‘minn ħin għall-ieħor’.

L-osservaturi barranin qed ibassru perjodu ġdid ta’ vjolenza fl-Afganistan, meta proprju ġimgħa ilu, mietu madwar 50 f’attakk suwiċida dirett kontra moskea oħra tax-Xiti, fil-belt ta’ Kunduz. L-IS-K, wara, qal li kien wettaq id-dmija li kienet anki l-agħar straġi ta’ dan it-tip mindu, f’Awwissu, telqu l-aħħar suldati Amerikani mill-Afganistan.

L-IS-K – magħmul mill-Musulmani Sunni – hu l-aktar entità vjolenti u estremista minn fost il-gruppi tal-ġiħadisti fl-Afganistan, minbarra li hu l-għadu qalil tat-Taliban li qed jamministra l-Afganistan.

Hu minnu wkoll li l-estremisti Musulmani Sunni kemm-il darba jattakkaw lill-Musulmani Xiti li jqisuhom bħala eretiċi.

Sadanittant, l-IS-K, tul l-aħħar xhur, wettaq sensiela ta’ attakki kontra l-qawwiet tas-sigurtà, il-politiċi u l-Ministeri Afgani – bit-terroristi tiegħu, fil-passat, anki jwettqu l-azzjonijiet vjolenti kontra qawwiet tal-Istati Uniti u n-NATO u d-diversi aġenziji tal-għajnuna fl-Afganistan.