Lokali

Bernard Grech jippreżenta l-fatti dwar l-iżbilanċ sfaċċat fil-PBS

Il-Partit Nazzjonalista ilu diversi ġimgħat jisħaq li f’pajjiż demokratiku mhux aċċettabbli li jkollok xandir nazzjonali li ma jkunx imparzjali

“L-Awtorità tax-Xandir għandha tagħmel xogħolha. Għandha obbligu illi tiżgura li l-PBS ikun bilanċjat.”

Hekk stqarr il-Kap tal-PN Bernard Grech f’kummenti lill-ġurnalisti fi tmiem laqgħa urġenti li talab hu stess maċ-chairperson tal-Awtorità Frank Farrugia. Hu kien akkumpanjat mill-Viċi Kap tal-PN David Agius u mis-Segretarju Ġenerali tal-PN Michael Piccinino.

Matul din il-laqgħa li saret kmieni dalgħodu, Bernard Grech jippreżenta l-fatti dwar l-iżbilanċ sfaċċat li qed jispikka fil-PBS jum wara l-ieħor.

Il-Partit Nazzjonalista ilu diversi ġimgħat jisħaq li f’pajjiż demokratiku mhux aċċettabbli li jkollok xandir nazzjonali li ma jkunx imparzjali – xandir pubbliku li huwa maħtuf mill-Partit Laburista, u spiċċa noticeboard ta’ Robert Abela.

“Quddiem il-fatti li qed jirriżultaw jum wara l-ieħor, iċ-ċittadin Malti jixraqlu li jisma’ l-verita kollha u tkun salvagwardjata d-demokrazija, it-trasparenza u d-dritt għall-informazzjoni”, stqarr Bernard Grech.