Għawdex Lokali

Budget li ma kellux post għal Għawdex

Ritratt: NET Media

Il-Ministru għal Għawdex żamm konferenza tal-aħbarijiet dwar il-budget għas-sena 2022 u Għawdex.  Ipprova jiġbor ġieh il-gvern tiegħu li għall-ewwel darba fl-istorja politika ppreżenta budget li fih ma hemmx parti ddedikata għal Għawdex.  Għawdex ġie minsi totalemt mill-Ministru għall-Finanzi u l-Gvern Laburista.  Dan juri biċ-ċar kif iħares lejn Għawdex Gvern Laburista.

Hekk qal il-PN fi stqarrija maħruġa dalgħodu mid-deputat Nazzjonalista Chris Said.

Il-PN qal li l-Ministru Camilleri ftaħar bil-vot kapitali għal Għawdex. Li naqas jgħid huwa li Għawdex qed jingħata biss 2.8% tan-nefqa kapitali tal-pajjiż kollu.  Nefqa kapitali miżera meta tikkusidra li Għawdex għandu territorju li jġib t-terz ta’ Malta u li jrid jkampa mal-insularitá doppja.  Huwa ċar li l-Gvern qed jixxaħħaħ ma Għawdex.

Il-Partit Laburista kien wiegħed xogħol għall-Għawdxin kollha f’ Għawdex stess.  Illum nafu bil-fatti li Għawdxin jaħdmu Malta hemm tliet darbiet aktar milli kien hemm fl-2013.  Issa hu konfermat li biex Għawdxi jkollu kundizzjonijiet tax-xogħol diċenti jrid jmur jaħdem Malta.  F’Għawdex il-Gvern ħoloq biss skemi, xogħol prekarju bil-minimum wage u xogħlijiet ma kuntratturi li joffru servizzi lill-Gvern.  Ma nħoloq l-ebda xogħol produttiv u b’pagi tajbin.

Fil-Budget għas-sena 2020 ma hemm l-edba proġett ġdid ippjanat għal Għawdex.  Mitlufa fost id-diskors tal-budget hemm imsemmija proġetti li ilhom snin jiġu mwegħda u baqgħu ma sarux jew ma tlestewx:

·      għas-sitt sena konsekuttiva tiġi msemmija skola primarja fir-Rabat;

·      jerġa’ għar-raba’ budget konsekuttiv jissemma r-restawr tal-akwedott;

·      jiġi mwiegħed investiment fil-Heliport meta 4 snin ilu qalulna li kellu jibda immedjatament s-servizz bl-ajru;

·      jgħidulna li ser jitlesta r-reverse osmosis ta’ Ħondoq meta suppost ilu lest sentejn

Minn naħa l-oħra proġetti li ilhom snin jiġu mwegħda f’ kull budget ta’ Gvern Laburista issa intesew  għal kollox.  Ma jissemmewx u ma hemm l-ebda flus ivvutati għad-dar tal-anzjani f’ Għajnsielem, il-bini ta’ Qorti ġdid, cruise liner terminal, yacht marina u ħafna iżjed.

Għal sena oħra l-Ministru ftaħar bit-toroq li qed jsiru f’Għawdex.  Li naqas jgħid li kemm hu u kemm iż-żewg Ministri Laburisti ta’ qablu ma rnexxilhomx jġibu ċentezmu wieħed ta’ fondi Ewropej għat-toroq f’Għawdex.  Naqas li jgħid li l-uniku triq li nbniet mill-ġdid f’dawn l-aħħar disa’ snin – Triq mill-Imġarr għan-Nadur –  ilha 4 snin minn meta beda x-xogħol u għadha mhix lesta.

Jerġa’ jissemma l-Mużew ta’ Għawdex kif issemma għall-aħħar sitt budgets.  Il-Ministru naqas li jispjega għaliex fuq dan il-proġett intilfu  5 miljun ewro fondi tal-UE.  Hemm bżonn ukoll spjegazzjoni għaliex sentejn ilu intefqu żewġ miljuni mill-fondi tal-UE fuq sitt coaches u dawn qatt ma ntużaw.  Xi ħadd irid jispjega dwar dawn il-flus mormija.

Mid-diskors tal-budget u minn dak li qal l-Ministru Camilleri jidher li Għawdex ser jibqa’ bir-raba’ vapur li mhux addattat. Ma hemm l-ebda vot biex jinġieb vapur ġdid u li jixraq.  Sal-lum f’ sentejn diġa tħallsu aktar minn 10 miljun ewro fil-kiri ta’ dan il-vapur antik.  Il-Gvern mhux jinvesti fil-konnettivitá ta’ bejn Malta u Għawdex li hija tant importanti. 

Il-Ministru ħarab milli jitkellem fuq proġetti importanti fosthom l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u bini ta’ sptar ġdid li suppost kellu jkun lest f’ Ġunju 2018.  Mill-budget joħroġ illi fis-sena 2022 Steward ser jingħataw 20 miljun euro aktar minn dak li ngħataw din is-sena.  Is-serqa u ħadma bis-saħħa tal-Għawdxin ser tkompli wkoll is-sena li ġejja u l-Ministru għal Għawdex mhu qed jagħmel xejn biex iwaqqaf dan.

Il-budget għas-sena 2022 ma jsemmi l-ebda miżura jew inizjattiva fuq il-biedja u s-sajd f’ Għawdex – żewġ oqsma tant importanti fl-ekonomija Għawdxija u li qed imutu ftit ftit fost l-oħrajn minħabba nuqqas ta’ għajnuna mill-Gvern.  Dan minkejja li l-Ministru għall-Agrikultura huwa elett minn Għawdex.

L-istess jista’ jingħad għas-settur tal-edukazzjoni fejn il-Minsitru ukoll hija eletta minn Għawdex.  L-uniku proġett imsemmi hija l-iskola primarja tar-Rabat li ilha tissemma f’seba’ budgets konsekuttivi u għadha mhix lesta. Ma hemm l-ebda inizjattiva oħra f’ dan is-settur tant importanti.

Budget li fih Għawdex mhux talli ġie relegat iżda sparixxa mill-prijoritajiet tal-Gvern tant li lanqas biss ġie dedikat sezzjoni għalih.