Budget 2022 Kummerċ Lokali Transport

“Budget li reġa’ ma indirizzax ċertu inġustizzji fost il-ħaddiema” – UĦM

It-Taqsima Port u Trasport tal-UĦM Voice of the Workers, fi stqarrija maħruġa l-Ġimgħa, innutat li fil-Budget, il-Gvern naqas milli jindirizza diversi anomaliji li jeżistu bħalissa fil-liġi tax-xogħol.

Dan filwaqt li din l-Union ilha snin tagħmel proposti biex l-impjegati ma jkunux affettwati ħażin.

Waħda mill-problemi ewlenin li ma ġewx indirizzati f’dan il-Budget hi li mhux il-ħaddiema kollha qed jitħallsu bir-rata doppja meta jkunu xogħol nhar ta’ Ħadd.

Dan għaliex il-Work Regulation Orders għal ċertu kategoriji ta’ ħaddiema ma jagħtux rata doppja meta jkunu xogħol fil-Ħdud iżda bis-siegħa siegħa.

Għalhekk il-UĦM ilha u se tibqa’ tinsisti li tinbidel il-liġi biex din l-inġustizzja titneħħa.

Għalkemm il-miżura li tħabbret fil-Budget li l-ħaddiema tal-kuntrattur li jipprovdu xogħol fis-settur pubbliku jibdew jitħallsu bir-rata doppja hi pożittiva, din ser tapplika biss għal persentaġġ żgħir ħafna mill-ħaddiema li sal-lum qed jiġu diskriminati f’dan irrigward.

Barra min hekk, f’dan il-Budget mhux talli kienet miċħuda t-talba tal-UĦM biex isir studju jekk il-ġimgħa ta’ 40 siegħa xogħol tistax tonqos, talli għad hemm ħaddiema, bħal dawk fit-trasport pubbliku, li jaħdmu ġimgħa ta’ 48 siegħa.

Dan ifisser li dawn l-impjegati qed jaħdmu 416-il siegħa iżjed fis-sena mill-ħaddiema l-oħra kollha f’dan il-pajjiż.

Minflok jitħallsu bir-rata tas-sahra għal dawn is-sigħat żejda, qed jitħallsu bir-rata bażika.

Għalhekk il-UĦM temmen li mhux biss għandhom jibdew jaħdmu ġimgħa ta’ 40 siegħa bħal ħaddiema oħra, imma jekk jagħmlu siegħat aktar, jitħallsu bir-rata tas-sahra bħall-ħaddiema tal-kuntratturi fis-settur pubbliku.

Is-Senior Employment Relations Manager ta’ din it-taqsima, Kenneth Abela, stqarr li “għalkemm il-UĦM ressqet dawn it-talbiet kemm il-darba mal-Gvern, jidher li dan reġa’ għażel li jinjora l-karba ta’ dawn il-ħaddiema li jiġu stmati bħall-kumplament talimpjegati ta’ dawn il-Gżejjer.

Għalxejn noqogħdu nipprietkaw fuq il-valuri tal-ugwaljanza, tal-opportunitajiet indaqs u ta’ liġi waħda għal kulħadd meta l-istess Gvern mhux lest li jieħu l-inizjattiva biex jaġġorna il-liġijiet ta’ dan il-pajjiż sabiex jirriflettu tali valuri”.