Lokali

Chris Fearne evażiv dwar id-data tal-Elezzjoni Ġenerali

Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne, bħall-bqija tal-Kabinett ta’ Robert Abela baqa’ evażiv meta ġie biex iwieġeb lill-ġurnalisti rigward id-data ta’ meta se tkun qed issir l-Elezzjoni Ġenerali.

Waqt konferenza tal-Aħbarijiet il-Ġimgħa filgħodu, il-Ministru tas-Saħħa ġie mistoqsi jekk issa, wara li ġie mħabbar il-Budget għas-sena d-dieħla, hux se jkun qed jagħti tal-inqas indikazzjoni dwar meta se tkun qed tiġi msejħa l-elezzjoni ġenerali.

Madanakollu, Fearne bħal donnu tella’ ħajt quddiemu. U bi tbissima sarkastika għall-aħħar… ħarab milli jwieġeb.

Bil-frażi nice try, imma le mhux se ngħidlek – Chris Fearne kompla jixħet dubji fl-imħuħ tan-negozji u ċ-ċittadini Maltin u Għawdxin li diġa’ jinsabu taħt pressjoni wara aktar minn sena u nofs iħabbtu wiċċhom ma’ pandemija li xeħtet lil bosta għarkuptejhom ….ekonomikament kawża wkoll ta’ deċiżjonijiet żbaljati li ttieħdu fil-kuriduri ta’ Kastilja.

Għaldaqstant, Net News rega’ saqsa d-domanda, li għaliha tinħtieġ tweġiba sempliċi ta’ iva jew le, jekk l-Elezzjoni Ġenerali hux se ssir ix-xahar id-dieħel…b’Fearne jisħaq l-ovvju li għandha ssir sas-Sajf, filwaqt li attakka lill-Partit Nazzjonalista…iżda xorta waħda ħarab milli jwieġeb b’mod dirett.