Il-Ministru tas-Saħħa, Chris Fearne, ikkonferma li qed jinstabu każijiet ġodda ta’ COVID-19 fl-iskejjel fost l-għalliema u l-istudenti, iżda mhux bhala clusters.
“Fl-iskejjel kellna każijiet iżolati, bħalma jkollna fil-komunità, kemm ta’ tfal u kemm ta’ għalliema iżda mhux clusters. Meta tagħmel contact tracing tagħhom tara li mhumiex ġejjin mill-ambjent tal-iskola. Ta’ kuljum inħabbru każijiet fil-komunità, b’kollox ikollna bejn 250 u 300, ivarjaw minn ġurnata għall-oħra, fosthom jinkludu tfal kif ukoll ħaddiema, inkluż ħaddiema.”
Huwa stqarr dan f’konferenza tal-aħbarijiet il-Ġimgħa li fiha ta aktar tagħrif dwar il-qagħda ġenerali tal-pandemija, fejn ħabbar ukoll rilaxx gradwali ta’ numru ta’ miżuri b’rabta tal-COVID-19 li jidħlu fis-seħħ minn nhar it-Tnejn li ġej.
Fost l-ohrajn, se jitnaqqsu numru ta’ miżuri fil-qasam tad-divertiment u l-attivitajiet tal-massa, fosthom anki fit-tiġijiet, swali taċ-ċinemi u teatri, diment li dawk li jattendu lkoll ikollhom iċ-ċertifikat tal-vaċċin. Min-nhar it-Tnejn li ġej, tfal taħt it-12-il sena akkumpanjati mill-ġenituri mhumiex se jkunu rikjesti li jippreżentaw riżultat negattiv ta’ PCR biex jattendu.
F’dawn l-attivitajiet, il-persuni bil-qiegħda mal-imwejjed jistgħu jitilgħu minn 6 għal 8 u jekk l-attivita ssir barra, id-distanza tista’ tonqos minn 2 metri għal metru filwaqt li fuq ġewwa tonqos għal metru u nofs. Il-capping fuq dawn l-attivitajiet se titla’ ukoll minn 100 għal 300 persuna fuq ġewwa diment li jkollhom iċ-ċertifikat tat-tilqim.
Bħalissa l-Awtoritajiet tas-Saħħa qed jistennew l-eżitu fuq test event mingħajr restrizzjonijiet li sar fi tmiem il-ġimgħa li għadda biex jaraw x’restrizzjonijiet jistgħu jiġu rrilaxxati mill-ġimgħa ddieħla, immirati fost l-oħrajn għal tiġijiet u pantomini tal-Milied, skont kemm-il persuna toħroġ pożittiva minn dan l-avveniment.
Rigward it-trasport pubbliku, inkluż il-fast ferry, il-Ministru tas-Saħħa ħabbar li jistgħu jilqgħu klijenti sa 80% tal-kapaċità tal-vettura jew l-opra tal-baħar.
Numru ta’ pajjiżi, b’mod partikolari fl-Amerika t’Isfel, se jitneħħew fuq il-lista ħamra skura għal fuq il-lista l-ħamra peress li l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa qed tqis l-varjant MIU mhuwiex ta’ tħassib.
Minkejja dan, minħabba żieda sostanzjali ta’ każijiet ġodda fil-lvant tal-Ewropa, fosthom ir-Russja, numru ta’ pajjiżi jafu jiżdiedu fuq il-lista ħamra skura meta titħabbar ir-riveżjoni tas-sistema tat-traffic lights il-ġimgħa ddieħla.
S’issa ġew amministrati 30,000 doża tal-booster tal-COVID-19 fost anzjani t’ ’il fuq minn 70 sena u mill-aħħar ta’ Novembru, din id-doża tal-booster se tibda tingħata lill-ħaddiema kollha fil-kura tas-saħħa, lill-għalliema u lir-residenti ta’ istituzzjonijiet madwar Malta u Għawdex.
//= $special ?>