F’residenza fi Triq il-31 ta’ Marzu f’Birżebbuġa, Uffiċjali tal-Animal Welfare wettqu ħidma intensiva biex jinħarġu għexieren ta’ klieb li kienu qed jinżammu fi stat ħażin.
L-Erbgħa, il-Qorti ddeċidiet li Antonio Vella, ta’ 66 sena u residenti ż-Żejtun, instab ħati li żamm 44 kelb f’residenza tiegħu. Dan wara li beda jiġi investigat minn Frar ta’ sentejn ilu mill-Uffiċjali tad-Dipartiment.
Fil-Qorti sar magħruf li meta l-Uffiċjali għamlu spezzjoni fir-residenza, huma sabu li l-klieb kienu fi stat ħażin u fil-post iddominat ir-riħa qawwija, fosthom ta’ urina u ħmieġ tal-klieb, li kienu tħallew mal-art.
Barra minhekk, filwaqt li ħafna mill-klieb kienu qed jiġru mad-dar, sitta kienu miżmumin f’gaġeġ ta’ daqs żewġ metri b’metru u nofs f’garaxx.
Għall-ħidma tal-Uffiċjali tal-Animal Welfare issejħu wkoll diversi membri tal-Pulizija, f’każ ta’ ħtieġa ta’ assistenza. Dan filwaqt li r-raġel kien immultat €20,000 u kkundannat sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin.
//= $special ?>