Lokali

Gvern Nazzjonalista jassigura li jaħdem favur korp tal-pulizija mingħajr indħil politiku u fuq in-naħa taċ-ċittadin onest

L-istorja ppublikata fit-Times of Malta, dwar kif l-Ombudsman mill-ġdid reġa’ sab illi taħt Gvern Laburista qed iseħħu inġustizzji kbar ma’ membri fil-Korp tal-Pulizija, hija konferma mill-ġdid illi fil-Korp immexxi mill-eks kummissarju Lawrence Cutajar saru proċessi fittizji u vvizjata li permezz tagħhom nies validi fil-korp inqabżu, twarrbu u ngħataw il-ġenb.

L-Ombudsman għal darba oħra jikkonferma illi l-proċessi ta’ promozzjoni fil-pulizija spiċċaw ‘parodija’ fejn numru ta’ membri li qatt ma kellhom javvanzaw, spiċċaw ġew aġevolati, mentri membri onesti ħabrieka u bi track record impekkabbli spiċċaw imwarrba u maqbuża.

Qal dan il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija maħruġa l-Ġimgħa kmieni waranofsinhar, li fiha esprima solidarjetá mal-eks-supretendenti Carmelo Bartolo u Raymond D’Anastasi, li minħabba l-proċessi vvizzjati spiċċaw vittmi ta’ proċessi korrotti bil-barka tal-Gvern.

Il-Partit Nazzjonalista saħaq li l-Kummissarju preżenti għandu responsabbiltá kbira fuq spallejh. Responsabbiltá illi min kien vittma ta dawn l-inġustizzji jingħata rimedji li jixirqu. Għandu responsabbiltá li jara li min kien il-moħħ wara dawn l-inġustizzji, u ċioe l eks- kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar, jiġi investigat u jittieħdu passi fil-konfront tiegħu.

Il-Partit Nazzjonalista saħaq illi sakemm jibqa’ jkollna korp tal-Pulizija b’indħil politiku fejn dawk ta’ ġewwa jibqgħu protetti u l-onesti u l-bieżla jiġu mwarrba, ser jibqa’ jkollna korp li jitlef l-aqwa elementi fi ħdanu. Ser jibqa’ jkollna korp li ma jattirax l-aqwa nies lejh.

Huwa għalhekk illi huwa biss il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern illi jist’a jassigura li jkollna Korp tal Pulziija fuq in-naħa taċ-ċittadin onest, fuq in-naħa tal-membri tal-korp onesti u ħabrieka. Korp li ma jħares lejn wiċċ ħadd. Korp li jassigura li sseħħ il-ġustizzja.