Lokali

Il-Labour mhux se jżomm ma wegħda li għamel lill-Għawdxin – Galdes jgħid li l-poplu kuntent bil-€1.75

Il-Gvern tal-Labour, b’mod mill-aktar ċar, iddeċieda li ma jżommx ma’ wiegħda li għamel għal Għawdex fl-aħħar snin – dik ta’ bini ta’ blokka ġdida tal-Housing Soċjali fiz-zona tac-Ċawla fir-Rabat.

Lura fl-2018, għall-budget tal-2019, l-eks Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna kien ħabbar waqt id-diskors tiegħu blokka ta’ appartamenti ġodda f’Ghawdex.  Madanakollu wara li ma tqiegħditx ġebla waħda li hi waħda aktar minn sentejn wara – u wara li din il-wiegħda ġiet injorata għal kollox waqt id-diskors tal-budget indirizzat nhar it-Tnejn mill-Ministru Clyde Caruana – Net News staqsa lill-Ministru għall-Housing Roderick Galdes, illi minn naha tieghu insista li m’hemmx bżonnu …..għax skont hu, f’Għawdex m’hemm ħadd li jrid appartament.

Madanakollu, sorsi ta’ min jorbot fuqhom saħqu li l-Ministru Galdes qiegħed jipprova jqarraq bil-poplu Malti u Għawdxi u insistew li mhux veru li ma hemmx talbiet għal appartamenti.

Sadanittant, Net News staqsa lill-Ministru Galdes jekk jaħsibx li ż-żieda ta’ €1.75 fil-ġimgħa hija biżżejjed biex tindirizza ż-żieda fl-għoli tal-ħajja. Iżda l-kummenti tiegħu kienu biss attakk partiġġjan …. meta fil-verita fl-aħħar żewġ budgets taħt Gvern Nazzjonalista n-nies ngħataw €4.66 fil-budget tal-2012 u €4.08 f’dak tal-2013.