Lokali

Il-Partit Nazzjonalista jkompli jsostni l-ħtieġa ta’ politika li ssaħħaħ il-qasam tat-turiżmu

“Jien fiduċjuż li flimkien nistgħu inkunu aktar kuraġġużi, nistgħu niftħu aktar opportunitajiet għas-snin li ġejjin għal dan il-qasam tant kruċjali. Lilna se ssibuna magħkom fl-isforzi tagħkom biex ittejbu l-prodott Malti. Flimkien nistgħu inkunu l-bidla”.

Dan kien il-messaġġ li wassal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech f’diskors li għamel waqt Forum Nazzjonali dwar it-Turiżmu.

Tul dan il-forum, l-MHRA qalet li l-qasam tat-lukandi u r-ristoranti ffaċċja sfidi kbar fi żmien il-pandemija. Sfidi li l-assoċċjazzjoni qed tgħid li mistennija jieħdu ż-żmien tagħhom biex jingħelbu.

L-Assoċjazzjoni filfatt qed tbassar li xi tip ta’ normalità fin-numri tat-turiżmu jista’ jasal biss 3 snin ohra –  mhux qabel l-2024.

F’dan l-isfond, il-Kap tal-PN Bernard Grech saħaq dwar l-importanza li pajjiżna jiżviluppa policy sostenibbli f’dan il-qasam, policy li ma tkunx ibbażata sempliċiment fuq in-numri, imma fuq aktar sforzi biex pajiżna jiżviluppa niċec ta’ valur ogħla.

Din il-proposta kienet parti mill-politika li żviluppa għal dan il-qasam tant kruċjali il-Partit Nazzjonalista, politika maqsuma fi tliet partijiet.

Politika li tħares long term lejn l-għaxar snin li ġejjin, politika li tagħti ħafna aktar saħħa lil min hu fl-industrija sabiex ifassal l-istrateġija għat-tisħiħ tas-settur, kif ukoll policy li tagħti sostenn sħiħ lil din l-industrija li tul is-snin investiet tant u rendiet ħafna lura.

L-industrija tat-turiżmu u r-ristoranti kienet l-aktar waħda li ħasset l-impatt tal-pandemija f’pajjiżna, b’terż tal-moratorja mitluba lill-banek mill-2019 ‘l hawn kienu propju minn dan il-qasam.