Internazzjonali

Ingilterra: Membru tal-Parlament maqtul b’daqqiet ta’ sikkina

Id-deputat parlamentari Sir David Amess (ritratt), membru tal-Partit Konservattiv fil-Gvern, spiċċa aggredit u maqtul minn daqqiet ta’ sikkina waqt li kien qed jiltaqa’ mal-kostitwenti fil-Knisja Metodista ta’ Belfairs, f’ Leigh-on-Sea.

Il-pulizija, intant, qed iżommu raġel b’konnessjoni mal-qtil fost rapporti li rkupraw sikkina mis-sit fejn seħħ or-reat. Mhux mifhum li huma qegħdin ifittxu lil ħaddieħor b’konnessjoni mal-inċident.

Sir David Amess,li għandu 69 sena, kien jirrappreżenta lil Southend West fil-House of Commons ( Parlament) ta’ Londra. Intant, fl-aħħar sigħat, intbagħtet ambulanza tal-ajru fl-inħawi tal-Knisja Metodista ta’ Belfairs fost rapporti li numru ta’ tobba operaw lid-deputat fil-post proprju fejn seħħ l-attakk. Madankollu l-isforzi tagħhom servew għal xejn u l-feriti li sofra d-deputat kellhom jiswewlu ħajtu.

Il-kostitwenti u kollegi ta’ Amess fissruh bħala ‘raġel tal-familja b’reputazzjoni għal kemm jgħin lin-nies u lir-refuġjati’. Sir David Amess, li kien ilu deputat parlamentari mill-1983, kien miżżewweġ u kellu ħamest itfal.