Internazzjonali

Italja: Ħaddiema tal-port jipprotestaw dwar il-Green Pass

Il-ħaddiema fil-port ta’ Trieste ħarġu fuq strajk biex jipprotestaw dwar il-ħtieġa li kull ħaddiem juri bilfors id-dokument – jew Green Pass – li jikkonferma li hu ħa l-vaċċin kontra l-Covid-19. Dan id-dokument, intant, juri wkoll jekk persuna tkunx fieqet mill-Covid inkella jekk kenitx suġġetta għal test li mmarka fin-negattiv.

Millum, fl-Italja, daħlet fis-seħħ il-liġi li tagħmilha obbligatorja biex il-ħaddiema fil-postijiet tax-xogħol kollha jipproduċu l-Green Pass.

Intant madwar 2,000 ħaddiem inġabru bħala protesta quddiem id-daħla għall-port ta’ Trieste li hu importanti ħafna għat-trasbord min-naħa ta’ fuq tal-Italja, il-Ġermanja, l-Awstrija u l-pajjiżi lejn iċ-ċentru tal-Ewropa.

Hu kkalkulat li mat-tliet miljun Taljan għadhom ma ngħatawx it-tilqima kontra l-Covid  u fi Trieste ħadu l-vaċċin biss 40 fil-mija fost id-950 ħaddiem tal-port. Intant, fl-aħħar sigħat, il-ħaddiema fil-portijiet l-oħra tal-Italja, inkluż il-port ta’ Genoa, ukoll heddew li jostakolaw il-movimenti tal-merkanzija fl-inħawi.

Dan ukoll waqt twissijiet dwar azzjonijiet biex ifixklu lit-trasport pubbliku fiċ-ċentru industrijali ta’ Milan, fost theddid ta’ aktar protesti fl-ajruporti, it-toroq prinċipali u l-istazzjonijiet tal-ferroviji madwar il-pajjiż.

Intant, il-liġi biex il-Covid Pass isir ħaġa ta’ bilfors għall-ħaddiema Taljani hi fost l-aktar regoli iebsin għal kontra l-Covid fid-dinja.