Lokali

Jitħassru l-vjaġġi tal-fast ferry minħabba riħ qawwi

Wara li tħassru l-vjaġġi tal-Virtu Ferries ta’ Għawdex kif ukoll l-vjaġġi tal-Fast Ferry għal-lum, l-istudenti Għawdxin ma kellhomx għażla oħra ħlief li jivvjaġġaw billi jużaw is-servizzi tal-Gozo Channel.

Il-Grupp Universitarji Għawdxin sostna li f’mumenti bħal dawn, is-sospensjoni tar-rotta X300 mill-operazzjoni se jkollha impatt sinifikanti fuq il-ħajja ta’ studenti li jużaw is-Servizzi tat-Trasport Pubbliku ta’ Malta biex imorru miċ-Ċirkewwa għall-Imsida u lura. Rotta X300, li ġiet sospiża ftit tal-ġimgħat ilu, kienet bla dubju ta ’benefiċċju kbir għall-istudenti mhux biss għax kienet rotta diretta iżda wkoll għax kienet iddisinjata għall-bżonnijiet tal-istudenti.

Il-Grupp Universitarji Għawdxin saħaq li għakemm hemm alternattiva oħra għal-istudenti bħar-rotta X1, huma jinsabu mħassba ħafna bl-ilmenti kollha li qed jirċievu dan l-aħħar. Din ir-rotta ssegwi bosta waqfiet, u għal din ir-raġuni, ir-rotta X1 ħafna drabi tkun mimlija, u tħalli studenti fil-waqfiet tal-karozzi tal-linja jistennew għal sigħat. Apparti dan, kien hemm żminijiet meta l-istudenti rrappurtaw li l-karozza tal-linja X1 ma kienet tidher mkien u għalhekk kellhom isibu mezzi alternattivi oħra biex jivvjaġġaw. Fil-fatt, dan hu dak li ġara lil xi studenti lbieraħ, li kellhom jistennew sas-16.45pm wara li l-karozza tal-linja tas-16.08 pm ma dehritx.

Meta fl-aħħar dehret il-karozza tal-linja, ix-xufier tal-karozza tal-linja baqa’ għaddej u ma għamilx il-waqfa tiegħu, u ħalla lill-istudenti jistennew fil-waqfa tal-karozza tal-linja. Din hija r-raġuni għaliex il-Grupp Universitarji Għawdxin jemmen li r-rotta X300 kienet l-iktar rotta effiċjenti u li bħalissa hija mixtieqa ħafna minn ħafna studenti.

Fid-dawl ta’ dan, il-GUG bħalissa jinsab f’diskussjonijiet mal-Awtorità tat-Trasport Pubbliku ta’ Malta, bil-għan li jintroduċi mill-ġdid ir-rotta X300 u titjieb ir-rotta.