Sport Sport Ieħor

Keith Galea u Danica Bonello Spiteri jiddominaw fit-Triathlon

It-triatleti Keith Galea u Danica Bonello Spiteri kienu r-rebbieħa fl-aħħar tellieqa tal-Eurosport Garmin National Triathlon Championship. Wara li t-tellieqa ttardjat minħabba l-maltemp, kien Keith Galea li temm l-għawma l-ewwel, u stabilixxa distakk komdu ta’ tliet minuti minn Josef Bonavia, li minkejja l-ħin tajjeb li kiseb fuq ir-rota, temm fit-tieni post, b’Joe Galea jsegwih fit-tielet post.

Sadanittant fil-kategorija tan-nisa, Danica Bonello Spiteri ddominat tul it-tellieqa kollha, segwita minn Lara Buttigieg u Krista Kuusijarvi fit-tieni u t-tielet post rispettivament.

“Il-Federazzjoni Maltija tat-Triathlon tifraħ lil Keith Galea u Danica Bonello Spiteri għar-rebħa tagħhom nhar il-Ħadd. Il-kundizzjonijiet tat-tellieqa għall-Kampjonati Nazzjonali tat-Triathlon tal-Eurosport Garmin kienu iebsin iżda l-kundizzjonijiet ħżiena ma fixklux id-determinazzjoni tal-kompetituri li jipproduċu riżultat tajjeb – irrispettivament minn xi ħabtiet li seħħu minħabba t-toroq imxarrbin.” Ikkummenta Dr John Vella, President tal-Federazzjoni Maltija tat-Triathlon wara tmiem it-Tiġrija.