Il-Partit Nazzjonalista f’dawn il-jiem qiegħed ifakkar l-40 anniversarju minn meta kellu jibda jxandar minn Sqallija il-messaġġ tiegħu fis-snin tmenin, snin meta l-libertà, id-demokrazija u d-dritt tal-espressjoni f’pajjiżna kienu mhedda, permezz tal-eks deputat tiegħu, Richard Muscat.

Muscat kien qatta’ sitt snin fi Sqallija, bejn is-snin 1981 u 1987, biex iwassal il-messaġġ tal-Partit Nazzjonalista li kien imxekkel milli jxandar minn Malta.
Dak kien iż-żmien fejn il-Gvern Laburista, immexxi mill-Prim Ministru Duminku Mintoff, kellu kontroll assolut fuq ix-xandir bl-istazzjon tar-radio u t-televiżjoni li kienu tal-Istat.

Kien hemm saħansitra ordni biex ma jissemmix isem il-Kap tal-Oppozizzjoni Eddie Fenech Adami.
Kienu żminijiet fejn wieħed ma kienx liberu li jesprimi l-opinjoni tiegħu fil-pubbliku u l-Partit Nazzjonalista iddeċieda ftit qabel l-elezzjoni tal-1981 li jaħdem b’determinazzjoni biex isemma leħnu.
Id-deċiżjoni kienet li jxandar minn Sqallija b’Eddie Fenech Adami isejjaħ lil Richard Muscat għal din l-missjoni, b‘xandiriet fuq Studiorama fost l-oħrajn.

Ta’ sostenn għal Richard f’din il-missjoni kien hemm martu, il-mibkija Joyce Muscat, li kellha taffaċja l-awtoritajiet waħedha meta huwa kien barra, b’uliedha b’biża’ kbira kellhom jaraw ‘l-Pulizija jżommuha u jagħmluha tfittxijiet.
Aktar tard kellha taffaċja s-sitwazzjoni fejn żewġha għal żmien twil ma setax jigi Malta minħabba theddid.

Joyce kienet l-omm li ftit nirrikonoxxuha fl-istorja imma kellha sehem importanti biex Richard Muscat f’isem l-Partit Nazzjonalista u pajjiżna wettaq missjoni b’suċċess.
Din kienet il-missjoni li waslet biex illum ingawdu d-dritt tal-libertà tal-espressjoni.
