Sport Sport Ieħor

Malta rappreżentata fit-Tazza Mediterranja tal-Għawm COMEN

Erba’ għawwiema Maltin se jkunu qed jirrappreżentaw lil pajjiżna fit-Tazza Mediterranja tal-Għawm COMEN f’Belgrad fis-Serbja. L-Aquatic Sports Association, fuq kriterji stipulati għażlet lil Nathan Cachia, Kristy Delia, Michela Portelli u Italo Salamone biex jirrappreżentaw lil Malta fil-kategoriji ta’ taħt it-13 u l-14-il sena, kif ukoll ta’ taħt il-15 u s-16-il sena. L-għawwiema Maltin se jkunu qed jikkompetu fl-avvenimenti 100m, 200m, 400m u 800m freestyle kif ukoll fl-avvenimenti 100m u 200m butterfly.

Flimkien mal-għawwiema, il-kontinġent Malti hu magħmul mill-kowċ Ebi Mohammadpour, mill-President tal-Aquatic Sports Association Joe Caruana Curran, u l-viċi President David Bonello bħala membru tekniku tal-għawm tal-COMEN. Il-kompetizzjonijiet għall-atleti Maltin jibdew fil-15 ta’ Ottubru filwaqt li jintemmu fis-17 ta’ Ottubru.