Internazzjonali

Norveġja: Jissieltu mat-trawma wara l-massakru f’Konsberg

Ir-residenti f’Konsberg jinsabu trawmatizzati wara li d-dinja tagħhom ‘inqalbet ta’ taħt fuq’ permezz tal-massakru, nhar l-Erbgħa, ta’ diversi nies innoċenti minn residenti tal-belt li nbidel f’terrorista.

Ħames persuni mietu, b’talanqas tlieta oħra jindarbu, wara li Espen Andersen Brathen (ritratt) beda jispara l-vleġeġ minn qaws lejn in-nies li nzertaw quddiemu – u fost rapporti li uża anki‘arma oħra’ waqt l-attakki.

Brathen – Daniż li kkonverta għall-Iżlam – spiċċa arrestat wara li offra r-reżistenza lill-pulizija u meta hu, issa, ‘ammetta għar-reat’.

Il-qtil taċ-ċittadini f’Konsberg kien anki l-agħar omiċidju tal-massa mindu l-estremista tal-lemin Anders Breivik immassakra għaxieren ta’ żgħażagħ fuq il-gżira ta’ Utoya, madwar għaxar snin ilu.

F’Konsberg qed jgħixu mal-25,000 ruħ u fl-aħħar sigħat, ir-residenti kienu qed jistaqsu kif żvolġa ‘eżatt’ l-attakk tal-Erbgħa. In-nies qed jistaqsu wkoll għalfejn Brathen ‘ma twaqqafx qabel’, meta l-pulizija kienu jafu li r-raġel kien ta’ ‘theddida għas-sigurtà’ wara li spiċċa radikalizzat.

L-attakk ta’ Brathen beda bl-isparar tal-vleġeġ lejn supermarket f’Konsberg u fejn hu rnexxielu jaħrab lill-ewwel pulizija li avviċinawh. Intant, il-pulizija kellhom idumu 34 minuta biex jaqbdh u dan kien proprju ‘il perjodu fatali’ fejn Brathen spiċċa joqtol erba’ nisa u raġel, b’etajiet bejn il-50 u s-70 sena.