Futbol Sport

Rebħiet għall-Arġentina, l-Brażil u ċ-Ċile

(Ritratt: EPA)

Bejn il-lejl tal-Ħamis u l-Ġimgħa tkomplew il-partiti ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja fil-kontinent tal-Amerika t’Isfel, b’rebħiet għall-Arġentina, l-Brażil u ċ-Ċile. Iċ-champions attwali tal-Copa America, l-Arġentina kisbu rebħa minima ta’ 1-0 kontra l-Peru, bil-gowl uniku tal-partita jkun skorjat fit-43 minuta permezz tal-attakkant ta’ Inter Lautaro Martinez.

Intant, f’partita oħra l-Brażil għelbu faċilment lil Urugwaj bl-iskor ta’ 4-1, biex issa jonqoshom 3 punti biex jaċċertaw ruħhom mill-kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja tal-Qatar. Kienu l-Brażil li fetħu l-iskor fl-10 minuta meta wara pass ta’ Fred, kien Neymar li skorja s-70 gowl tiegħu mat-tim nazzjonali tal-Brażil. Il-Brażil rdoppjaw fit-18-il minuta permezz tal-midfielder ta’ Leeds Raphinia, bl-istess plejer jirdoppja fit-58 minuta, li kkonkluda fix-xibka wara azzjoni maħduma tajba bejn il-plejers Brażiljani. L-Urugwaj naqqsu d-distakk fis-77 minuta permezz ta’ Luis Suarez, bis-sositut Gabriel Barbosa jiskorja r-raba’ gowl tal-Brażil, għal skor finali ta’ 4-1.

F’partita oħra, f’ Estadio San Carlos de Apoquindo, iċ-Ċile kisbu rebħa komda ta’ 3-0 fuq il-Veneżwela. Erick Pulgar skojra darbtejn fl-ewwel taqsima, filwaqt li Ben Brereton skojra t-tielet gowl u għalaq il-partita fit-tieni taqsima. B’hekk b’din ir-rebħa, iċ-Ċile jinsabu fis-sitt post, biex żammewhom ħajjin it-tamiet tagħhom li jikkwalifikaw għat-Tazza tad-Dinja fil-Qatar.