Futbol Sport

Tasal l-ewwel rebħa ta’ Lija

Chris Cassar

LIJA A. …………………. 4

VITTORIOSA S………. 0

Lija A: L. Bonnici, C.J. Cassar, L. Muscat, D. Scerri, J.P. Oliveira Santos, C. Vella, K. Scerri, C. Giordimaina, P. Gusso, L. Micallef, R. Do Nascimento.

Vittoriosa S: E. Gatt, C. Spiteri, K. Mercieca, E. Ayorinde, D. Borg Castaldi, J. Farrugia, H. Santa Roza Cruz, D. Sowatey, Q. Bregman, I. Galea, D. Xuereb.

Referee: Alex Johnson

Lija Athletic kisbu l-ewwel rebħa tal-istaġun meta f’logħba li huma ddominaw għelbu lil Vittoriosa Stars 4-0. Kienet rebħa mill-iktar meritata għat-tim immexxi minn Joseph Galea li kien għal kollox superjuri tul id-90 minuta.

Vittoriosa ddiżappuntaw u prattikament qatt ma daħlu fil-logħba, fejn dehru ferm fjakki speċjalment fl-attakk.

Wara erba’ minuti Lija fetħu l-iskor bi freekick mill-isbaħ ta’ Oliveira Santos jispiċċa fir-rokna ta’ fuq tax-xibka. Ħames minuti wara l-iskor għal ftit ma sarx tnejn hekk kif xutt bomba ta’ Oliveira Santos stampa mal-mimduda.

Lija komplew jiddominaw u kien biss wara l-25 minuta li Vittoriosa bdew jidħlu xi ftit fil-logħba anki jekk qatt ma kienu perikolużi. Fis-37 minuta Lija rduppjaw meta minn kross mil-lemin kien Lydon Micallef li daħal tajjeb u skorja b’daqqa ta’ ras.

Fit-tieni taqsima Vittoriosa ħarġu jippruvaw ifittxu l-gowl li jiftaħ il-logħba iżda kienu Lija li mas-siegħa logħob għalqu l-logħba meta Lydon Micallef twaqqa’ fil-kaxxa u mill-11-il metru kien Robeiro li skorja b’xutt fil-baxx.

Tnax-il minuta mit-tmiem Lija skorjaw ukoll ir-raba’ gowl grazzi għal xutt fil-baxx minn qagħda angolata tas-sostitut Shimamura.

Jaqsmu erba’ gowls f’logħba emozzjonanti

TARXIEN R. ………………………. 2

ST. ANDREW’S …………………. 2

Tarxien R: M. Farrugia, C. Conceicao, R. Grech, W. De Oliveira, M. Spiteri, D. Falzon, K. Cutajar, B. Muscat, S. Nanapere, M. Tabone, R. Silva Faria.

St.Andrew’s: M. Montfort, I. Azzopardi, M. D’Alessandro, K. Sano, J. Farrugia, D. Camilleri, M. Bartolo, Z. Muscat, A. Borg Olivier, L. De Lima Melo, S. Martinez.

Referee: Slawomir Olucha

Tarxien u St. Andrew’s kisbu punt kull wieħed, punt li ftit jgħin l-aspirazzjonijiet tagħhom, f’logħba mill-iktar spettakolari, fejn minbarra l-gowls kien hemm diversi azzjonijiet ta’ skor kemm fuq naħa kif ukoll fuq oħra, iżda r-riżultat hu wieħed ġust. 

Bidu veloċi miż-żewġ naħat bi pressing għoli speċjalment minn naħa tar-Rainbows, li kellhom l-ewwel azzjoni wara tmien permezz ta’ Karl Cutajar iżda Montfort salva tajjeb. Fit-22 minuta Tarxien fetħu l-iskor grazzi għal freekick mill-isbaħ ta’ Darren Falzon li għeleb għal kollox lil Montfort.

Fit-32 minuta kuntatt fil-kaxxa ta’ Tarxien u penalty wara fawl fuq Sano, u mill-11-il metru l-veteran Joseph Farrugia ma żbaljax b’xutt fil-baxx. Tarxien resqu qrib bi freekick ta’ Darren Falzon iżda Montfort din id-darba dawwar għal korner.Fit-43 minuta minn kross ta’ Wellington, id-daqqa ta’ ras ta’ Silva Faria bil-ballun jaħbat mal-mimduda u fil-ħames minuta ta’ ħin miżjud kienu is-Saints li marru fil-vantaġġ b’daqqa ta’ ras ta’ De Melo Lima.

Seba’ minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima Tarxien għamlu l-iskor indaqs meta kien Wellington li skorja b’daqqa ta’ ras b’saħħtiha mill-viċin. Fl-64 minuta St. Andrew’s viċin it-tielt gowl iżda x-xutt ta’ Martinez stampa mal-mimduda.