Lokali Qorti

Tliet snin ħabs u multa ta’ €4,000 wara sawwat żewġ uffiċjali ta’ TM waqt il-karnival tan-Nadur

Żagħżugħ ta’ 24 sena minn Naxxar ġie kundannat tliet snin ħabs u mmultat €4,000 mill-Maġistrat Joe Mifsud wara li nstab ħati li meta kien Għawdex sawwat żewġ uffiċjali ta’ Transport Malta. Il-każ beda meta persuna oħra kien qala’ ċitazzjoni u mar jitlewwem mal-uffiċjali. Ftit wara nzerta għaddej l-akkużat li ħebb għall-Pulizija. Mill-provi rriżulta li waqt il-karnival tan-Nadur, fit-23 ta’ Frar tal-2020 għall-ħabta tas-2.30am. fi Triq il-Pallijiet, Clyde Farrugia attakka u rreżista bi vjolemza lill-uffiċjali Joseph Muscat u Richard Vella billi tahom bil-ponn.

Is-Surġent Joseph Vella xehed fil-Qorti li waqt li kien xogħol fil-karnival tan-Nadur ġie infurmat li kien seħħ argument fejn ġew attakkati żewġ ufficjali ta’ Transport Malta li kienu stqarrew mal-Pulizija li persuna kien mar fuqhom jgħajjat għax kien laqqat citazzjoni.

Huwa tefa’ ċ-ċitazzjoni f’ħalqu, beżaqha u telaq ’l isfel. Aktar tard huma nizlu aktar ’l isfel fit-triq u l-istess persuna kien qiegħed ma’ ħajt vicin il-vettura li kienet ingħatat ic-citazzjoni. Sadanittant persuna oħra, l-akkużat, kien mar minn warajom u ta daqqa ta’ ponn f’wiċċ Richard Vella. Joseph Muscat qabad lil dan ir-raġel u ġibdu minn fuq Vella u dan beda jagħti wkoll lill-Muscat.

Ix-xhud qal li l-uffiċjali ta’ Transport Malta irraportaw fl-Għassa tan-Nadur li huma kienu ġew aggrediti minn persuna waqt li kienu qegħdin jikkontrollaw it-traffiku. Waqt l-incident, l-aggressur għamel wkoll ħsara f’karizza u mbagħad rikeb fiha u telaq minn fuq il-post.

Minn stħarriġ li għamlet il-Pulizija irrizulta li sid il-vettura inkwistjoni kien ċertu Christian Hafiz Saadallah, li spiċċa arrestat. Meta l-vittmi ġew murija lil Christian huma ikkonfermaw li l-aggressur kien xi ħadd li kien jixbħu.

Muscat kien qed ibati minn tbenġila f’wiċċu li klassifikata bħala ferita ta’ natura ħafifa. Richard Vella għadda wkoll ċertifikat fejn kien sofra feriti ta’ natura gravi. Is-Surġent kompla jgħid li l-Pulizija baqgħet għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha fuq il-każ. U stabbiliet li l-aggressur li kien aggredixxa lil Richard Vella kien Clyde Farrugia. Dan ġie arrestat mill-Pulizija tan-Naxxar u kien anke irrilaxxa stqarrija fil-presenza tal-Avukat tal-fiduċja tiegħu.

L-Ispettur Charles Bernard Grech qal fil-Qorti li dan Christian kien ammetta miegħu li kien sab ticket mal-vettura tiegħu u li ma kienx ħa pjacir b’dan. Hu kien mar jargumenta magħhom għax kien laqqat it-‘ticket’ u anke rema t-ticket fid-direzzjoni tagħhom.

L-Ispettur spjega li wara li kien hemm dan l-argument, l-imputat Clyde Farrugia kien għaddej mill-inħawi u ħebb għall-haddiema ta’ Transport Malta. Farrugia caħad li kien ħebb għal dawn il-ħaddiema u tenna li kienu listess ħaddiema ta’ Transport Malta li kienu ħebbew għalih.

Farrugia sostna mal-Pulizija li hu kien daħal bejniethom biex iferraq. L-Ispettur xehed li kienu inġabru xi filmati mill-cameras tas-sigurta u li minn tali filmati kien ġie jidher parti mill-argument li kien seħħ. Fil-fatt ġie jidher l-imputat qed iħebb għall-ħaddiema ta’ Transport Malta, u li kien l-istess imputat li mar iħebb għalihom.

Richard Vella, wieħed mill-vittmi qal fil-Qorti li fil-lejl ta’ bejn it- 22 u t- 23 ta’ Frar 2020 huwa kien xogħol ma’ Transport Malta fi Triq il-Knisja, n-Nadur, Għawdex. F’ħin minnhom marru tnejn fuqhom u bdew joffenduhom. Huma injorawhom u komplew fuq xogħolhom. Aktar tard, huma nizlu aktar ’l isfel minn fejn kienu qegħdin għax kien weħel it-traffiku.

It-tnejn min-nies li kienu offendewhom kienu qegħdin ma’ ħajt. Huma u telgħin ’l fuq, fil-pront mar wieħed minn warajh u tah daqqa ta’ ponn f’għajnu. Bid-daqqa huwa beda jistordi. Huwa ipprova jiġi daqsxejn f’tiegħu. Kif dar sab lil Joseph Muscat li kien miegħu qed jaqlagħlu l-balaklava. Ix-xhud għaraf lill-imputat bħala l-persuna li kien bil-balaklava u li kien aggredieh. Ix-xhud temm jgħid li l-imputat ma kienx ma’ dawk iz-zewġ persuni li kienu marru fejnhom fil-bidu joffenduhom.

Attakki fuq uffiċjali tal-Infurzar qatt mhum skużabbli

Il-Qorti fis-sentenza tagħha qalet li l-uffiċjali nkarigati minn infurzar ta’ ordni pubbliku humiex Pulizija, uffiżjali tal-Komunita (eks-wardens), uffiċjali ta’ Trasport Malta, uffiċjali korrettiv li jahdmu fil-Facilità Korrettiva ta’ Kordin jew ‘Detention Officers’, iridu jkunu protetti waqt li jkunu qed jagħmlu d-dmirijiet tagħhom u ħadd mhuwa skuża,  tkun xi tkun ir-raġuni li jhedded lil xi ħadd minnhom jew li b’xi mod iweġġagħhom.

Ordni ta’ uffiċjal tal-infurzar għandha tkun obduta mal-ewwel u għandu jintwera rispett lejn kull uffiċjal dejjem u kullimkien. Dan ir-rispett għandu jidher b’mod l-aktar ċar u enfatiku f’sitwazzjonijiet fejn tkun daħlet imqar naqra tensjoni.

F’dan il-każ it-tensjoni ħoloqha bla bżonn l=imputat stess, liema imġieba qatt mhi se tkun tollerata minn din il-Qorti. Il-Qorti ma tridx li uffiċjali nkarigati mill-infurzar jiddemoraliżżaw ruħhom ghaliex għad hawn min jaħseb li hu ‘l fuq mil-liġi u ma jirrispetta lil ħadd.

Attakk fuq membru ta’ xi forza tal-ordni huwa attakk fuq is-soċjetà kollha. Kif jista’ f’pajjiżna xi ħadd jaċċetta li membru ta’ xi korp jew aġenzija inkarigat mill-infurzar joħroġ mid-dar għal ġurnata tax-xogħol u jirritorna lura ferut?

L-uffiċjali tal-infurzar qegħdin hemm sabiex jipproteġu liċ-ċittadin u m’mgħandhomx jigu mqiegħda f’sitwazzjoni li jibżgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jikkoreġu lill-individwu li ma jkunx qed jimxi skont il-liħi.

Il-Qorti tinkoraġixxi lil dawk kollha inkarigati mill-infurzar tal-liġijiet sabiex jintervjenu kull fejn ikun hemm xi nuqqas ta’ terz u dan bl-intendiment li jkun hemm armonija sħiħa fil-pajjiż.

Għal dawn il-motivi l-Qorti kkundannat lil Clyde Farrugia għal tliet snin priġunerija u multa ta’ €4000 u kkundann wkolla lill-ħati €956.05 fi spejjeż ta’ esperti mqabbda mill-Qorti. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Bernard Charles Spiteri.