Futbol Sport

Chelsea jitilgħu l-ewwel b’rebħa fuq Brentford…. Aktar suċċessi għal Liverpool u Man City, b’Man Utd umiljati

(Ritratt: EPA)

Chelsea qabżu lil Liverpool fil-quċċata tal-Premier League b’rebħa diffiċli, 1-0. barra minn darhom fuq Brentford fil-Community Stadium. Fil-fatt, il-Blues kellhom jistinkaw mhux ħażin biex jegħlbu l-isfida tar-rivali minn West London, iżda fl-aħħarnett, il-gowl ta’ Ben CHILWELL, li wasal eżatt qabel il-mistrieħ, kellu jiswa tliet punti tad-deheb lit-tim ta’ Thomas Tuchel li fit-tieni taqsima għarrfu jiddefendu r-riżultat b’dixxiplina kbira. Din kienet anki l-ewwel konfront fil-league f’74 sena bejn Chelsea u n-neopromossi Brentford u l-Bees jistgħu jħossuhom sfortunati li ħarġu minn din il-logħba b’idejhom vojta wara li Bryan Mbeumo laqat darbten il-lasta. Dan waqt li l-gowkiper tal-Blues, Mendy, spiċċa jwettaq żewġ saves mirakolużi lejn l-aħħar ħinijiet.

Roberto Firmino skorja hat-trick brillanti għal Liverpool f’rebħa kbira ta’ 5-0 ma Watford barra minn darhom. Din kienet anki l-ewwel disfatta għal Claudio Ranieri fl-ewwel logħba tiegħu bħala manager tal-Hornets, bil-logħba f’Vicarage Road ma jkollha prattikament l-ebda storja mill-bidu sat-tmiem Watford ma kellhomx risposta għall-veloċità ta’ Liverpool b’Sadio MANE jiftaħ l-iskor wara tmien minuti u fejn irreġistra l-100 gowl personali fil-Premier Ingiż. FIRMINO, imbagħad, għamilhom tnejn fis-37 minuta, bl-istess plejer iżid l-iskor minuti wara l-mistrieħ biex temm kull tama għall-Hornets. Intant, il-gowls baqgħu ġejjin b’Mo SALAH (54) isib ix-xibka ta’ Ben Foster għar-raba’ darba wara azzjoni individwali u b’Firmino jagħmilhom 5-0 fil-ħin miżjud b’xutt ieħor b’saħħtu li ma ta l-ebda ċans lil Foster. Dan kien anki l-ewwel hat-trick għall-plejer Brażiljan ta’ Liverpool minn Diċembru tal-2018.

Il-logħba bejn Leicester City u Manchester United ipproduċiet xejn anqas minn sitt gowls, bil-Foxes jiksbu rebħa famuża ta’ 4-2 fuq ir-Red Devils, għal riżultat li jkompli jżid il-pressjoni fuq il-manager ta’ United Ole Gunnar Solskjaer. United, li xejn mhuma jikkonvinċu bil-logħob tagħhom, marru fil-vantaġġ b’xutt missila ta’ Mason GREENWOOD (19), iżda fil-31 minuta, l-indeċiżjoni tal-captain ta’ United, Maguire, issarrfet fi dro bla mistenni għal Leicester, b’Iheanacho jisraqlu l-ballun u jsib lil Youri TIELEMANS li kkonkluda għal ġewwa b’chip brillanti. Leicester ħarġu determinati għat-tieni taqsima u d-difensur Caglar SOYUNCU (78) skorja minn taħwida quddiem il-lasta. United irreaġew u kisbu d-dro minn Marcus RASHFORD (82) li daħal jilgħab bħala sostitut wara assenza twila – iżda dritt mill-kick-off, Leicester mill-ġdid marru fil-vantaġġ meta Ayoze Perez sab lil Jamie VARDY li għeleb lil de Gea b’xutt preċiż għar-rokna. Kien fadal spazju għar-raba’ gowl ta’ Leicester li wasal fil-ħin miżjud mis-sostitut Patson DAKA li tħalla żmarkat minn Maguire u li ma kellu l-ebda diffikultà biex jgħaqqad il-poker għall-Foxes B’dan ir-riżultat, United tilfu r-rekord li waqqfu (29) għal-logħob mingħajr telfa barra minn darhom fil-Premier Ingliż.

Iċ-Champions Manchester City komplew id-difiża tat-titlu b’rebħa 2-0 fuq Burnley u fejn huma ddominaw lill-avversarji għal ħinijiet twal tal-logħba. L-ewwel gowl wasal wara biss tnax-il minuta meta Bernardo SILVA skorja minn ‘follow-through’ fuq it-tentattiv inizjali ta’ Phil Foden. Intant, City kellhom jistennew sas-70 minuta biex jaċċertaw mir-riżultat, b’Kevin de BRUYNE jirdoppja b’xutt bid-dawwra li ma ta l-ebda ċans lill-gowlkiper Pope.

Freekick drammatiku ta’ Ruben NEVES fil-95 minuta ta rebħa inkredibbli (3-2) lil Wolves fuq Aston Villa f’dan il-West Midlands derby straordinarju Il-logħba bdiet għat-telgħa għal Wolves li sabu ruħhom 0-2 minn taħt, b’John McGINN (48) u Danny INGS (68) jiskurjaw gowl f’kull taqsima. Iżda l-aħħar għaxar minuti kienu tassew inkredibbli b’Wolves jiskurjaw tliet darbiet biex jaċċertaw mit-tielet rebħa konsekuttiva fil-kampjonat. Ir-rimonta bdiet minn SAISS (80) qabel Connor COADY għamilhom 2-2 ħames minuti wara u b’Neves jispiċċa bħala l-eroj meta, mill-freekick, il-ballun, ħabat ma’ difensur u spiċċa wara l-gowlkiper Martinez – sekondi biss qabel it-tisfira finali.

Norwich u Brighton spiċċaw fi dro, 0-0, f’Carrow Road u waqt li dan kien biss it-tieni punt għall-Canaries mill-bidu tal-kampjonat, huma naqsu milli japprofittaw mill-ħafna ċansijiet quddiem il-lasta — biex b’hekk għadhom qed jistennew l-ewwel rebħa tal-istaġun fil-Premier League.

Southampton għelbu lil Leeds Utd, 1-0, f’St Mary’s Stadium, bil-gowl importanti jasal mill-attakkant Albaniż, Armando BROJA, li kien qed jiddebutta għas-Saints fil-Premier Ingliż. Din kienet anki l-ewwel rebħa tal-istaġun għal Southampton, bil-gowl jasal minn kontra-attakk fit-53 minuta, meta Redmond għadda l-ballun lid-debuttant ta’ 20 sena li kien pront isib ix-xibka b’xutt li ma jaħfirx.

PREMIER LEAGUE
Illum:
Watford v Liverpool 0-5, Aston Villa v Wolves 2-3, Leicester v Man Utd 4-2, Man City v Burnley 2-0, Norwich v Brighton 0-0, Southampton v Leeds 1-0, Brentford v Chelsea 0-1 Għada: Everton v West Ham 3.00pm, Newcastle v Tottenham 5.30pm It-Tnejn: Arsenal v Crystal Palace 9.00pm