Lokali Qtil Politiku

‘Daphne kellha raġun’ – Appell qawwi biex verament issir ġustizzja

Għaddew erba’ snin, l-Ewropa nħasdet bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Għaddew erba’ snin u l-assassinju għadu mhux solvut. Kien fis-16 t’Ottubru tal-2017 meta ġriet l-aħbar li fil-karozza bomba, kien hemm il-ġurnalista li tant kienet qed tikxef skandli ta’ persuni f’karigi għoljin fil-pajjiż. Erba’ snin li fihom, l-għaqda Repubblika, flimkien ma’ Occupy Justice u mijiet ta’ persuni komplew jisħqu li għandha ssir ġustizzja.

L-istess ġara fis-16 ta’ Ottubru tal-2021 meta quddiem il-Qorti, fil-Belt Valletta nġabbru mijiet ta’ persuni biex ifakkru l-mewt tal-ġurnalista filwaqt li jkomplu bil-ġlieda tagħhom biex f’pajjiżna verament issir ġustizzja.

Matul din il-velja għamlu d-diskors tagħhom diversi persuni: Robert Aquilina, il-President tal-għaqda Repubblika, Rebecca Vincent minn Reporters Without Borders, Leoluca Orlando, sindku ta’ Palermo, Ricardo Gutierrez mill-Federazzjoni Ewropea tal-Ġurnalisti, Sandro Ruotolo, senatur u ġurnalist prominenti Taljan, Flutura Kusari, mill-European Centre for Press Media Freedom, Caterina Chinnici, membru parlamentari ewropew li missierha, li kien imhallef, Rocco Chinnici, inqatel mill-mafja, Tom Gibson r-rappreżentant tal-Kumitat għall-protezzjoni tal-ġurnalisti, Mattia Motta, mill-Federazione Nazionale Stampa Italiana, Sarah Clarke minn Article 19 u Pia Zammit, minn Occupy Justice.