Lokali Qtil Politiku

Erba’ snin mill-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia

Bħal-lum erba’ snin, l-Ewropa nħasdet bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Għaddew erba’ snin u l-assassinju għadu mhux solvut. Kien fis-16 t’Ottubru tal-2017 meta ġriet l-aħbar li fil-karozza bomba, kien hemm il-ġurnalista li tant kienet qed tikxef skandli ta’ persuni f’karigi għoljin fil-pajjiż. Kien għall-ħabta tat-3pm meta bdiet tiġri l-aħbar ta’ dak li kien għadu kemm seħħ fil-Bidnija – l-aħbar ġriet madwar l-Ewropa kollha f’temp ta’ ftit sigħat – il-ġurnalista Daphne Caruana Galiżia kienet inqatlet b’karozza bomba.

Fost l-akbar skandli li kixfet Caruana Galizia, kien hemm il-Panama Papers u l-proġett tal-Electrogas. Hi kienet kixfet lill-id il-leminija ta’ Joseph Muscat – jiġifieri lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi – bħala s-sidien ta’ kumpaniji sigrieti li kellhom jintużaw biex idaħħlu fihom commissions kbar minn fuq dahar il-poplu. Caruana Galizia kienet qed tkun ta’ xewka. Xewka skomda ferm li kienet qed iddarras lil dawk li riedu jibqgħu jisirqu u jibilgħu mingħajr ma jdejjaqhom ħadd. Mingħajr ma ddejaqhom hi. U xi ħadd kien lest itajjarha.

Illum, appena daqqu t-3pm u b’hekk kienu għaddew eżatt erba’ snin mill-assassinju tal-ġurmlista, fil-post fejn seħħ il-qtil inġabru numru ta’ persuni biex ifakkru l-memorja tagħha. Hawnhekk inżammet minuta silenzju qabel ma nqraw siltiet min dak li kienet tikteb Daphne Caruana Galizia. Dawk li nġabru biex isellmu l-memorja tal-ġurnalista ħallew ukoll fjuri u xemgħat fil-post. Preżenti fost l-oħrajn il-familja Caruana Galizia.