Lokali

Erba’ snin wara, l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia jibqa’ mhux solvut

L-aħħar blogpost ta’ Daphne Caruana Galizia ppubblikatu 25 minuta qabel ġiet assassinata

Dan kellu jkun l-aħħar blog ta’ Daphne Caruana Galizia. “That crook Schembri was in court today pleading that he is not a crook”.

Caruana Galizia kienet qed tirreferi għas-seduta tal-Qorti ta’ ftit sigħat qabel, fejn Keith Schembri taħt ġurament, xehed li “li kieku ried il-flus ma kienx jidħol għall-politika”.

Schembri kien qed jixhed f’kawża ta’ libell li fetaħ hu stess għax kien ħassu offiż b’allegazzjonijiet li hu kien korrott. Allegazzjonijiet li kienu ġejjin minn kullimkien wara li Caruana Galizia kienet kixfet il-pjan ta’ Schembri u ta’ sieħbu, il-Ministru Konrad Mizzi, li jieħdu commissions ħoxnin mill-proġett tal-Electrogas u jitfgħuhom fil-kumpaniji sigrieti li kienu fetħu fil-Panama.

Inqas minn nofs siegħa wara li ppubblikat dak il-blog, Caruana Galizia ġiet assassinata.

Karozza-bomba li temmet il-ħajja ta’ dik li media internazzjonali ddeskriviet bħala One-woman Wikileaks, b’referenza għall-investigazzjonijiet li kienet tagħmel.

Filfatt Daphne Caruana Galizia, tista’ tgħid waħedha, kienet responsabbli biex kixfet skandlu wieħed wara l-ieħor ta’ ministri u uffiċjali għolja fi ħdan il-Gvern Laburista.

Ħafna skandli -mhux wieħed jew tnejn. Imma l-akbar skandli kienu marbuta mal-proġett tal-Electrogas….il-powerstation li Joseph Muscat u Konrad Mizzi penġew bħala l-proġett li kellu jbiddel għal kollox il-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin.

Muscat, Mizzi u Schembri kienu s-suġġett ta’ bosta blogs ta’ Daphne Caruana Galizia

Daphne Caruana Galizia kienet kixfet lill-id il-leminija ta’ Joseph Muscat – jiġifieri lil Keith Schembri – u lill-Golden Boy tiegħu Konrad Muscat bħala s-sidien ta’ kumpaniji sigrieti li kellhom jintużaw biex idaħħlu fihom commissions goffi minn fuq dahar il-poplu.

Caruana Galizia kienet qed tkun ta’ xewka. Xewka skomda ferm li kienet qed iddarras lil dawk li riedu jibqgħu jisirqu u jibilgħu mingħajr ma jdejjaqhom ħadd. Mingħajr ma ddejaqhom hi. U xi ħadd kien lest itajjarha.

Hi inqatlet fis-16 t’Ottubru tal-2017.

Illum, erba’ snin wara. l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia jibqa’ mhux solvut.