Lokali Qorti

Ħaddiem jingħata t-tort wara li tkeċċa minħabba traskuraġni f’xogħolu

Wara li ħaddiem ħalla l-boiler li kien qed jieħu ħsieb jinxef mill-ilma bil-konsegwenża li seta’ sploda, tkeċċa mill-kumpanija u ingħata t-tort ta’ dak li ġara fit-Tribunal Industrijali.

Andrew Giordimaina fetaħ kawża fit-Tribunal Industrijali kontra l-Mediterranean Offshore Bunkering Company Limited (MOBC), fejn spjega kif huwa kien ilu jaħdem mal-kumpanija madwar 37 sena u kien jokkupa l-kariga ta’ Acting Shift Leader.

Huwa stqarr li l-kumpanija MOBC akkużatu li minħabba traskuraġni kkaġuna ħsara kbira f’boiler li kien qed jieħu ħsieb hu.. iżda madankollu Giordmania nsista li t-tkeċċija tiegħu kienet waħda inġusta.

Min-naħa tagħha l-kumpanija rribattiet li kien minħabba t-traskuraġni tiegħu li fl-14 ta’ Awwissu 2017 kważi nixef wieħed mill-boilers u seta kkawża splużjoni. Apparti dan, l-kumpanija sostniet li minħabba l-aġir tiegħu mhux biss sofriet b’eluf ta’ flus fi ħsara imma poġġa lil sħabu kfil-periklu li tiġri diżgrazzja.

Wara li sema’ liż-żewġ naħat it-Tribunal Industrijali, presedut minn Edmund Tabone, irrimarka li Giordimaina kien imħarreġ u ċertifikat bħala boiler attendant. Tabone sostna li Giordimaina kien traskurat fil-qadi ta’ dmirijietu u dak li għamel seta’ kellu konsegwenzi traġiċi. Kien għalhekk li iġġustifika t-tkeċċija tiegħu.

Għall-kumpanija deher l-avukat Pawlu Lia filwaqt li għall-Andrew Giordimaina dehret l-avukat Carina Bugeja Testa.