Lokali

“Huwa dmir tagħna li nibqgħu viġilanti dejjem” – Bernard Grech

Wara li dalgħodu kien preżenti fil-Bidnija, fil-post fejn ġiet assassinata Daphne Caruana Galizia, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista għamel riflessjoni permezz ta’ post fuq Facebook. Bernard Grech saħaq li dan il-qtil “ma jkun sewa għal xejn, jekk fil-lokalità tagħna nibqgħu nħarsu n-naħa l-oħra meta nosservaw xi abbuż, jekk fuq ix-xogħol nittolleraw li xi ħadd jibqa’ jiġi trattat ħażin, jekk ma mwettqux dmirna, jekk nibqgħu nittolleraw sistema fejn imqar minuri jew vulnerabbli wieħed jibqa’ mingħajr vuċi.”

Il-Kap tal-PN kompla l-messaġġ tiegħu billi staqarr li dan l-assassinju ma jkun sewa għal xejn “jekk inserrħu l-kuxjenza li hemm il-liġi jew li xi ħaddieħor li se jieħu azzjoni minflokna, jekk tibqa’ tmelles butek u tibqa’ aljenat mill-ħsara li qed issir lil pajjiżek, jekk taħseb li billi llum tpoġġi bukkett fjuri biss u tibqa’ jdejk fil-but ser tassigura li l-inġustizzja, l-abbuż, il-korruzzjoni, it-tixħim, il-moħqrija, il-qtil – m’huma se jseħħu qatt aktar.”

Bl-aktar mod ċar, Bernard Grech saħaq li “Huwa DMIR TAGĦNA li nibqgħu VIĠILANTI DEJJEM.”