Futbol Sport

Naxxar jirbħu b’għaxar plejers

Chris Cassar

SAN ĠWANN ………………. 0

NAXXAR L. …………………. 1

San Ġwann: C. Formosa, K. Bartolo, J. Micallef, J.P. Attard, L. Mallia, S. Loshi, N. Radojevic, B. Kuyper, A. Zammit, C. Omoruanzoje, G. Pace

Naxxar L: O. Borg, A. Azzopardi, G. Martins Leite, M. Mifsud, E. Cerqueira Farias, J. Debono, R. Cassar, J. Ellul, D. Fenech, S. MeilakD. Kassekar

Referee: Trustin Farrugia Cann

Naxxar Lions kisbu r-raba’ rebħa minn erba’ logħbiet meta għelbu lil San Gwann minkejja li lagħbu t-tieni taqsima kollha bi plejer inqas.

Kienet logħba intensa’ u mill-isbaħ fejn ironikament Naxxar lagħbu ferm aħjar bi plejer inqas. Fil-fatt it-tkeċċija kellha effet negattiv fuq San Gwann li ma baqgħux juru l-istess logħob tal-ewwel taqsima.

Għal Naxxar prestazzjoni brillanti ta’ Edson Cerqueira Farias, anki kultant żamm wisq il-ballun, filwaqt li fil-qalba tad-difiża Naxxarija wirja mill-aqwa mill-plejer mis-Senegal Kassekar li kien insuperabbli.

L-ewwel taqsima kienet mill-isbaħ biż-żewġ naħat jikkonfermaw it-tajjeb kollu li wrew s’issa f’dan l-istaġun. Naxxar kienu xi ftit aħjar fl-ewwel battuti iżda San Gwann irkupraw tajjeb u l-logħba kient ferm veloċi u bilanċjata.

Iż-żewġ naħat kellhom diversi ċansijiet ta’ skor, iżda fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima il-bilanċ inkiser meta Naxxar spiċċaw bi plejer inqas, meta Steve Meilak ipprova jxeejr bil-minkeb lejn Andrea Zammit bir-referee Farrugia Cann jurih karta ħamra diretta.

Appena bdiet it-tieni taqsima Martins Leite twaqqa’ fil-kaxxa bl-istess plejer jiskorja mill-penalty. Fil-51 minuta San Ġwann sfortunati meta xutt bomba ta’ Attard stampa mal-mimduda. Fil-61 minuta x-xorti ma daħqitx lil-Lions meta x-xutt bid-dawra ta’ Cerqueira Farias ħabat mal-mimduda.

Flaħħar minuti l-logħba tħassret wara daħla kerha tas-sostitut Benjamin Hili ta’ San Gwann li wkoll kien imkeċċi.

Wirja konvinċenti minn Żejtun

Marsaxlokk…………………………1           

Żejtun…………………………………3

Marsaxlokk: F. Tabone, JC Gill, M. Del Negro, C. Cutajar, T. Vella, C. Camilleri, P. Xuereb, E. Vella, S. Cisse, D. Azzopardi, R. Tonna

Żejtun: C. Cassar, D. Agius, C. Borg, JC Gonclaves Cloth, C. Grech, G.Bugeja, CH da Silva Barbosa, CJ Degabriele, S. Tounkara, D. Xuereb, J. Farrugia

Referee: Ishmael Barbara

Żejtun kisbu t-tielet rebħa tal-istaġun b’wirja konvinċenti fuq Marsaxlokk, li min-naħa tagħhom għadhom mingħajr rebħa sa issa fil-kampjonat. Jean Carlos Cloth Gonclaves, l-awtur tat-tlett gowls għal Żejtun, ċertament li kien l-eroj għaż-Żwieten, bil-plejer Tounkara Samba ikun ferm strumentali fl-attakk għal Żejtun.

L-ewwel taqsima kienet ikkaraterrizzata minn tlett gowls li kollha ġew minn penalties, fi spazju ta’ 20 minuta. L-ewwel penalty wasal fit-22 minuta, meta Salim Cisse deher jaqa’ fil-kaxxa, u r-referee mill-ewwel saffar għal penalty. Mill-ħdax-il metru, Terence ma falliex biex poġġa lil Marsaxlokk fil-vantaġġ.

Seba’ minuti wara, il-gowlkiper ta’ Marsaxlokk Tabone deher iwaqqa lil Da Silva Barbosa fil-kaxxa, u r-referee reġa’ saffar għal penalty. Cloth Gonclaves inkariga ruħu minn dan il-penalty, u skorja l-ewwel gowl tiegħu biex kiseb id-draw għal Żejtun. Fil-41 minuta, Salim Cisse waqqa’ lil Degabriele fil-kaxxa ż-żgħira waqt azzjoni ta’ korner, u r-referee Barbara għal darb’oħra taha il fawl favur Żejtun. Reġa’ kien Cloth Gonclaves li affaċċja lil gowlkiper Tabone, u ma falliex, biex poġġa lil Żejtun fil-vantaġġ.

Fis-57 minuta, Cloth Gonclaves skorja t-tielet gowl tiegħu tal-partita biex issiġilla r-rebħa għal Żejtun. L-azzjoni bdiet minn ġirja tajba ta’ Tounkara li ħarab lid-difiża ta’ Marsaxlokku qassam pass preċiż fin-nofs lejn Gonclaves, li minn distanza qasira, xeħet fir-rokna tax-xibka.

Sorpriża minn Senglea li jiksbu l-ewwel rebħa

Qrendi…………………………………2

Senglea……………………………….3

Qrendi: J. Vella, L. Martinelli, S. Schembri, G. Bugeja, M. Gatt, I. Zammit, B. Sammut, JJ Ogunnupe, A. Agius, C. Del Castillo Escobar, S. Perdomo Esquivel

Senglea: M. Falzon, L. Mallia, M. Zarb, A. Tenorio Viveros, D. Claridge, C. Buttigieg, O. Magro, L. Mancuso Lemos Santos Ferreira, N. Grech, R. Tanti, K. Vella

Referee: Etienne Mangion

Senglea kisbu l-ewwel rebħa, u l-ewwel punti tagħhom dan l-istaġun meta għelbu lil Qrendi bl-iskor ta’ 3-2, riżultat li Qrendi ċertament ma kinux qed jistennew. Din kienet l-ewwel telfa għal Qrendi li kienu rebħu l-ewwel żewġ konfronti tagħhom.

L-ewwel taqsima ftit li xejn rat azzjonijiet, u Qrendi kienu l-uniku tim li resqu lejn il-lasti avversarji. Huma daħlu għal mistrieħ b’vantaġġ ta’ gowl wieħed biss, skurjat wara kwarta logħob mill-captain Bydasser Sammut b’daqqa ta’ ras fuq kross ta’ Michael Gatt.

Il-logħba ħadet xejra kompletament differenti fit-tieni taqsima. Fis-46 minuta, Senglea ingħataw penalty, meta l-ballun deher jaħbat ma’ idejn Gary Bugeja fil-kaxxa. Mill-ħdax-il metru, Larson Mallia ma falliex.

Budasser Sammut reġa poġġa lil Qrendi fil-vantaġġ fl-64 minuta b’daqqa ta’ ras oħra. Kien hemm mumenti li fhom il-gowl deher li se jitħassar, iżda wara konsulta bejn l-uffiċjali, il-gowl ġie ikkonvalidat.

Senglea rnexxielhom idawwru l-partita b’żewġ gowls skurjati f’temp ta’ żewġ minuti. Huma reġgħu kisbu l-gowl tad-draw fit-72 minuta. L-azzjoni bdiet minn freekick ta’ Daniel Claridge minn tarf il-kaxxa li xeħet lejn in-nofs. Keith Vella niżżel il-ballun bir-ras u għadda lejn Mattia Zarb, li kkonkluda fix-xibka b’xutt fil-baxx. Ftit anqas minn żewġ minuti wara, it-tim mill-Kottonera irnexxielu jerġa jsib ix-xibka b’xutt mill-isbaħ ta’ Andres Tenorio Viveros, li għeleb lill-gowlkiper Vella b’xutt fil-baxx minn tarf il-kaxxa, biex akkwista tlett punti ferm important għal Senglea.

Żebbuġ jiksbu l-ewwel rebħa

SWIEQI U. ……………………… 0

ŻEBBUĠ R. ………………………….3

Swieqi U: J.C. Debattista, J. Magri Overend, K. Sultana, J. Willy, J. Castano, A. Schembri Wismayer, M. Vella, M. Micallef, S. Elfarsi, J. Azzopardi.

Żebbuġ R: J. Azzopardi, S. Bugeja, T. Bartolo, Y. Tonna, A. Mizzi, M. Perez Jimenez, S. Diacono, R. Vella, J. Sciberras, S. Miloskovic, G. Gesualdi.

Referee: Emanuel Grech

Żebbuġ kisbu tliet punti prezzjużi meta għelbu lil-leaders Swieqi biex kisbu l-ewwel rebħa tagħhom u taw l-ewwel telfa lil Swieqi. Kienet rebħa meritata fejn Żebbuġ iddominaw l-ewwel siegħa logħob, bir-reazzjoni ta’ Swieqi tasal tard wisq.

Il-bidu tal-logħba kien wieħed bilanċjat iżda Żebbug mill-ewwel urew l-intenzjonijiet tagħhom li jattakkaw u jkunu perikolużi. Fl-20 minuta Debattista wettaq save sabiħ fuq daqqa ta’ ras ta’ Perez li kienet imxellfa minn difensur.

Fis-26 minuta Żebbuġ meritatament marru fil-vantaġġ b’azzjoni veloċi ta’ Yanis Tonna li b’xutt minn tarf il-kaxxa għeleb lil Debattista. Ħames minuti wara azzjoni mill-isbaħ bejn Perez, Tonna u Miloskovic bix-xutt ta’ dan ta’ l-aħħar minn qagħda ideali jegħleb għal kollox lil Debattista.

Fil-35 minuta azzjoni oħra ta’ Żebbuġ u ballun maqlugħ minn fuq il-linja. Fit-tieni taqsima Swieqi ħarġu fuq l-attakk iżda Żebbuġ għalqu l-logħba meta fis-56 minuta Neil Borg waqqa’ lil Perez fil-kaxxa u mill-ħdax-il metru Gesualdi poġġa’ fir-rokna ta’ fuq tax-xibka.

L-aħħar fażi tal-logħba kien dominju minn Swieqi li assedjaw lill-avversarji u hawn spikka l-goalkeeper Żebbuħi Jamie Azzopardi b’serje inkredibbli ta’ saves li bihom ċaħħad lil Swieqi minn gowl ta’ konsolazzjoni.