Lokali Qorti

Tiffranka multa ta’€6,000 wara li bidlet il-password ta’ Facebook ta’ żewġha

Mara ta’ 39 sena minn Ħal Qormi li kienet weħlet multa ta’ €6,000 wara li nstabet ħatja li f’Marzu 2017 daħlet fil-profil tal-Facebook ta’ żewġha, bidlitlu l-password u niżżlet ritratt ta’ mara b’sidirha barra biex tużah fil-kawża tas-separazzjoni… appellat is-sentenza u rebħet l-appell wara li mħallef ikkonkludiet li ma ġiex pruvat li kienet hi li daħlet fil-profil tiegħu.

Wara li reġgħet semgħet il-provi – fosthom ix-xhieda tar-raġel, tal-mara, ta’ omm ir-raġel u tal-mara li bagħtitlu r-ritratt tagħha – l-Imħallef Scerri Herrera ddeskriviet l-provi tal-prosekuzzjoni bħala fjakki u skarsi. Hi saħqet li mhux l-ewwel darba li kienet intaqgħat ma’ problemi bejn il-miżżewġin u taf li l-piki u l-ġlied ġieli jirrenjaw u għalhekk ma tħosshiex komda li ssib ħtija fuq dak li jingħad bla ma jinġiebu l-provi.

L-imħallef żiedet tgħid li l-prosekuzzjoni hija obbligata li tressaq l-aħjar prova, kemm dik favur kif ukoll dik kontra, u peress li d-dubji f’dan il-każ huma kbar ma setgħetx tikkonferma l-ewwel sentenza. Kien għalhekk li hija lliberat lill-mara mill-ħtija u sussegwentament mill-multa ta’ €6,000.

Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispettur Jeffrey Scicluna filwaqt li għall-mara deher l-avukat Arthur Azzopardi.