Futbol Sport

Tispikka l-partita bejn Lazio u Inter filwaqt li Juventus jaffrontaw lil Roma

(Ritratt: EPA)

Fit-tmien ġurnata tas-Serie A tispikka l-partita bejn Lazio u Inter, kif ukoll il-partita bejn Juventus u Roma. Inter li jinsabu fit-tielet post se jħarsu li jiksbu t-tliet punti sabiex iżommu l-pass ma’ Milan u Napoli fil-postijiet ta’ fuq. Min-naħa l-oħra Lazio se jkunu qed iħarsu li jirreaġixxu għat-telfa li kisbu fl-aħħar konfront kontra Bologna, fejn b’rebħa jistgħu jaqbżu lir-rivali Roma fil-klassifika. Lazio ilhom 16-il partita mhux megħluba f’darhom, l-aktar li damu sa mill-2002, fejn kienu għamlu 22 partita mingħajr telfa. Madanakollu huma rebħu biss darbtejn mill-aħħar seba’ konfronti kontra Inter.

Fil-partita l-oħra li tispikka Juventus se jaffrontaw lil Roma biż-żewġ timijiet jinsabu fis-seba’ u fir-raba’ post rispettivament. Għal Roma kellhom bidu mill-aqwa fis-Serie A taħt it-tmexxija ta’ Jose Mourinho, kuntrarju għall-eseperjenza ta’ Max Allegri fir-ritorn fit-tmexxija ta’ Juventus. Wara l-bidu xejn sabiħ, Juventus rebħu l-aħħar tliet partiti tagħhom u qed jittammaw li b’rebħa fuq Roma jitilgħu fil-postijiet tal-Ewropa.

Il-leaders attwali Napoli se jaffrontaw lil Torino, fejn sa issa kisbu l-punti massimi fis-seba’ partiti li lagħbu. Bla dubju Napoli jidhru li se jkunu fost dawk li se jiġġieldu għar-rebħ tal-kampjonat, għalkemm fl-aħħar snin dejjem battew fit-tieni parti tal-istaġun. Min-naħa tagħhom Torino se jkunu qed iħarsu li jkunu l-ewwel tim li jtellfulhom il-punti.

SERIE A

Illum Spezia v Salernitana 3.00pm, Lazio v Inter 6.00pm, Milan v Verona 8.45pm Għada Cagliari v Sampdoria 12.30pm, Udinese v Bologna 3.00pm, Genoa v Sassuolo 3.00pm, Empoli v Atalanta 3.00pm, Napoli v Torino 6.00pm, Juventus v Roma 8.45pm It-Tnejn Venezia v Fiorentina 8.45pm