Lokali

Ebda risposta dwar dak li verament qed iseħħ fil-ħabs

Ġimgħa wara ġimgħa qed ikomplu joħorġu diversi stejjer dwar ir-realtajiet fil-Faċilita’ Korrettiva ta’ kordin , l-atteġġjament tad-Direttur Alex Dalli kif ukoll dawk ta’ madwaru… u għat-tielet ġimgħa konsekuttiva, il-gazzetta l-Illum reġgħet rrappurtat li baqgħet mingħajr tweġibiet għall-mistoqsijiet tagħha, illi ilha li bagħtet diversi ġimgħat.

Filfatt, il-mistoqsijiet intbgħatu għall-3 ġimgħat konsekuttivi u apparti minn hekk… l-istess gazzetta stiednet lid-Direttur Alex Dalli għall-intervista. Iżda l-kurunell Dalli lanqas għal din l-istedina ma wiegeb.

Fost il-mistoqsijiet, l-Illum riedet tistaqsi lid-Direttur dwar jekk hux vera li jimxi fil-kurituri tal-ħabs armat, jekk hux minnu li kien hemm drabi fejn uża arma biex hedded lill-priġunieri, jekk jikkonfermax li joħroġ fil-bitħa tal-ħabs u jispara fuq il-ħamiem… u diversi domandi oħra dwar dak li qed jigri wara l-ħitan tal-ħabs… l-ispezzjonijiet fiċ-ċellel… il-kastigi li jingħataw u mistoqsijiet oħra.

Dawn il-mistoqsijiet qed ikomplu jizdiedu wara li l-istess gazzetta żvelat kif Alex Dalli b’mod regolari allegatament jiftahar mal-priġunieri u l-gwardjani: “Hawn ġew jien Alla. Isir dak li ngħid jien”. Dan filwaqt li kien jhedded lill-priġunieri li “jekk mhux ser toqgħod ta’ nies, din ser naħliha fuqek”.

Bħalissa il-habs jinsab taħt l-iskrutinju ta’ mill-inqas żewġ inkjesti Maġisterjali.

Iżda…sal-lum, il-Prim Ministru Robert Abela ghadu qed jiddefendi t-tmexxija ta’ Alex Dalli.

Tags