“Għada se nitkellem dwar kif Gvern ġdid Nazzjonalista mmexxi minni jista’ jkun ta’ garanzija sabiex flimkien ikollna pajjiż u poplu b’saħħtu. “
Sostna dan il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech f’attività politika l-Ħadd filgħodu f’Ħal Balzan fejn insista li l-Gżejjer Maltin teħtiġilhom politika reali u mhux tal-bżar fil-għajn – politika li verament tpoġġi lill-bniedem fiċ-ċentru tagħha.
Huwa sostna li jinsab konvint li flimkien nistgħu nkunu l-bidla u niktbu l-ġejjieni ta’ uliedna.
Bernard Grech insista li ċ-ċittadini Maltin u Għawdxin ma jridux aktar poltika korrotta, politika li taħdem skont lil min taf iżda waħda li tgħinek tgħix aktar seren u tindirizza l-problemi reali tiegħek.
Dan filwaqt li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-budget mħabbar aktar kmieni din il-ġimgħa huwa wieħed li nesa lil bosta fosthom il-frontliners kif ukoll diversi setturi oħra bħat-turiżmu u l-manifattura – budget li ma jħarisx u wisq inqas ma jilqax għall-ġejjieni.
Bernard Grech appella lill-poplu sabiex ma jħalli lil ħadd jikkundizzjonah u insista sabiex joħorġu fil-beraħ il-verità dwar ir-realtajiet tal-familji Maltin u Għawdxin. Huwa stqarr li minflok l-Gvern tal-Labour iħoss verament polz iċ-ċittadin, daħaq bih u tah €1.75 qabel it-taxxa fil-ġimgħa għal għoli tal-ħajja….żieda li biha lanqas tista tixtri ħobża u pakkett ħalib…aħseb u ara kemm tista tindirizza s-serq fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma.
Filwaqt li tenna li Gvern ġdid nazzjonalista jati lura l-flus kollha li insterqu minn dawn il-kontijiet – Bernard Grech insista li dan il-budget wera biċ-ċar li l-unika soluzzjoni tal-Gvern tal-Labour biex il-poplu jlaħħaq mal-għoli tal-ħajja huwa li joħroġ lin-nies jaħdmu bl-overtime.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sostna li hemm ukoll affarijiet tajbin f’dan il-budget, bħal mediċini b’xejn tal-IVF li kienet proponiet l-Oppożizzjoni Nazzjonalista – fatt li sa ftit tax-xhur ilu l-Gvern ta’ Robert Abela kienu jigdbu dwarha u jgħidu li diġà kien kollox b’xejn…biex issa kellhom jammettu mal-poplu li daħqu bihom.
Intant Bernard Grech tkellem ukoll dwar ix-Xandir tal-Istat u insista li l-poplu ma jistax jibqa’ jaċċetta l-gideb u jitimugħ lill-poplu bħala verità. Għaldaqstant insista sabiex kulħadd jibda jsemma’ leħnu.
Bernard Grech saħaq li preżentament il-legat tal-Prim Ministru Robert Abela huwa li qed idejjen lill-pajjiżna €4miljun kuljum…dak huwa li bħalissa qed iħalli lill-uliedna.