Il-Gvern ma jlissen l-ebda kelma dwar il-bini ta’ breakwater tal-Port ta’ Marsalforn biex joffri kenn kemm għas-sajjieda, għall-komunità kummerċjal u għar-restoranti u l-ħwienet fil-bajja u l-madwar. Fil-Baġit tiegħu għas-sena d-dieħla l-Gvern litteralment iwarrab il-bżonnijiet ta’ Għawdex sal-punt li minn total ta’ €936 miljun ivvutati għan-nefqa kapitali, huma biss €27 miljun li se jkunu vvutati bħala nefqa kapitali għal Għawdex.
Mhux ta’ b’xejn allura li f’dan il-Baġit għas-sena d-dieħla l-Gvern ma jlissen l-ebda kelma dwar il-bini ta’ breakwater fid-daħla tal-Port ta’ Marsalforn biex jilqa’ u joffri kenn kemm għas-sajjieda, iżda wkoll għall-komunità kummerċjal u għal dawk kollha li għandhom ir-restoranti u l-ħwienet tagħhom fil-bajja u l-madwar fejn kull darba li t-temp ikun jaqbel, jagħmlilhom ħafna ħsarat li jkunu jammontaw għal eluf ta’ ewro.
Chris Said, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar Għawdex, f’kumment lil Il-Mument dwar il-Baġit u l-abbandun ta’ Marsalforn, fisser li n-nefqa kapitali għal Għawdex li l-Gvern qed jipproponi fil-Baġit għas-sena d-dieħla fisser biss għotja ta’ inqas minn tlieta fil-mija tan-nefqa kapitali ħolistika għall-gżejjer Maltin.
“Dan ifisser li Għawdex, reġjun li fih terz tat-territorju Malti u li jrid ikampa ma’ insularità doppja, qed jingħata biss inqas minn tlieta fil-mija tan-nefqa kapitali.” Chris Said spjega li minkejja l-ħafna wegħdi li għamel il-Gvern, għal darb’oħra fil-Baġit għas-sena 2022 ma jissemma xejn dwar il-breakwater f’Marsalforn.
“Anqas hemm flus ivvutati biex jinbeda dan ix-xogħol. Tfittex fl-Estimi tal-Baġit u ma ssib xejn dwar
dan.”
Hu qal li mbasta l-Gvern għamel ħafna wegħdi bl-addoċċ, fosthom aktar parks għat-tgawdija tal-familji. Filwaqt li qal li f’Għawdex ma sar xejn, anzi dak li kien hemm ħallewh jitfarrak, Chris Said fakkar kif il-Park tal-Familja fil-Qortin fix-Xagħra li kien sar ħafna xogħol fuqu minn Gvern Nazzjonalista, baqa’ ma sar xejn fuqu fl-aħħar tmien snin u baqa’ ma tlestiex minkejja li kien imwiegħed f’numru ta’ baġits. Il-famuż Ulysses Grove mwiegħed fix-Xewkija, baqa’ ma sarx minkejja li kien imwiegħed fil-Baġit ta’ dawn l-aħħar ħames snin – għas-sena 2016, 2017, 2018, 2019 u 2020. Issa sparixxa.
Ma sar l-ebda park ġdid għall-familji f’Għawdex fl-aħħar tmien snin. Mhux hekk biss, imma dak li kien sar minn Gvern Nazzjonalista tħalla jitfarrak u fi stat żdingat. Eżempju ta’ dan hu l-park li hemm ħdejn il-parking ta’ Marsalforn. Jinsab fi stat diżastruż. Responsabbli minn dan huwa l-Ministeru għal Għawdex. Gvern ġdid Nazzjonalista jwiegħed aktar spazji miftuħa fosthom Park Nazzjonali f’Ħondoq ir-Rummien fil-Qala, temm jgħidilna Chris Said.
//= $special ?>