Internazzjonali

Haiti: Missjunarji Kristjani maħtufin f’Port-au-Prince

Grupp ta’ missjunarji Kristjani mill-Istati Uniti u qrabathom – li kienu jinkludu diversi tfal — spiċċaw maħtufa minn grupp ta’ irġiel armati fl-inħawi ta’ Port-au-Prince, il-kapitali ta’ Haiti.  Għalkemm id-dettalji ma kenux magħrufa, jidher li l-armati sfurzaw ‘madwar 15-il persuna’ biex jinżlu minn xarabank wara li l-missjunarji kienu żaru dar għall-orfni. Jidher li l-armati, imbagħad, mexxew lil dawn in-nies lejn lokalità sigrieta.

Il-ħtif ta’ persuni jitqies bħala komuni ħafna f’Haiti, fejn il-gruppi armati qed jisfruttaw is-sitwazzjoni ta’ anarkija biex jiġġeneraw flus mir-rahan li jitolbu għall-ħelsien tal-ostaġġi.

Intant, uffiċjali fl-Istati Uniti qalu li qed isegwu b’attenzjoni ‘is-sitwazzjoni tal-missjunarji’ f’Haiti.

Mindu nqatel il-President ta’ Haiti, Jovenel Moïse, f’Lulju li għadda, il-gruppi rivali lokali ma żammewx lura mill-isforzi biex jaħtfu l-kontroll f’dan il-pajjiż. In-nuqqas tas-sigurtà intensifikat is-sitwazzjoni ddisprata tal-poplu, meta ħafna mir-residenti f’Haiti qed isibuha diffiċli biex jgħixu ‘minn ġurnata għall-oħra’.

L-aħħar rapporti qalu li l-missjunarji Kristjani nħatfu mill-armati ftit wara li huma kienu telqu mill-belt ta’  Croix-des-Bouquets – bil-pulizija u l-Ministeru tal-Ġustizzja f’Haiti ma jikkummentawx dwar iċ-ċirkustanzi.

Dan meta l-Christian Aid Ministries, organizzazzjoni bbażata fl-Istati Uniti, indikat li qed taħdem u tikkoopera mal-Ambaxxata Amerikana f’Haiti ‘bil-għan li jaraw kif l-aħjar li jgħinu lill-persuni maħtufa’.