Lokali

Ħatriet fl-Enemalta mill-Gvern intiżi biex iwaddbu l-iskandli taħt it-tapit

Il-mossa li Jonathan Cardona jitpoġġa fit-tmun tal-Korporazzjoni Enemalta bħala l-Kap Eżekuttiv il-ġdid,
hi intiża biss biex twaddab l-iskandli taħt it-tapit. Jonathan Cardona, fdat minn din l-amministrazzjoni u min-nies ta’ Kastilja kif kien fdat ukoll fi żmien meta kien jokkupa rwol fl-Uffiċċju tal-Eks Prim Ministru Joseph Muscat, se jkun jista’ jikkollabora direttament mal-Uffiċċju tal-Prim Ministru Robert Abela fit-teħid ta’ ċerti deċiżjonijiet jaħarqu li tkun involuta fihom l-Enemalta.

Jonathan Cardona, li dwaru hu sigriet magħruf li kellu rabtiet tajba ma’ nies fil-poter bħal mal-Eks Prim
Minsitru Joseph Muscat, mal-Eks Ministru Konrad Mizzi, u mal-Eks Chief of Staff Keith Schembri, kien
jimmilita b’mod attiv ukoll fit-tħaddim tal-iskema tal-bejgħ tal-passaport Malti. Ir-rwol ta’ Jonathan Cardona fl-organigramma fdata minn Kastilja fl-aħħar tmien snin, dejjem kien wieħed diskret, iżda effettiv u b’xi mod jew ieħor u kuntrarjament għal terzi persuni oħrajn, dejjem irnexxielu jimxi ’l quddiem.

Sal-punt li issa l-Prim Ministru Robert Abela ħass li Jonathan Cardona għandu jokkupa l-kariga ta’ Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni Enemalta – li tul dawn iż-żewġ leġiżlaturi din l-istituzzjoni kienet fost il-protagonisti fil-politika tal-Gvern Laburista li rnexxielha tagħmel il-korruzzjoni istituzzjonalizzata.

Mir-ritratt tat-tislima lill-Eks Prim Ministru Joseph Muscat f’Kastilja lejn tmiem l-2019 għat-tħabbira ta’ Jonathan Cardona fit-tmun tal-Enemalta, ftit li xejn wieħed sema’ dwaru. Iżda appena Malta tpoġġiet mill-FATF fil-Lista l-Griża minħabba mankanzi serji fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-korruzzjoni, Jonathan Cardona qed ikun immirat bħala l-persuna ta’ fiduċja ta’ Robert Abela fl-Enemalta.

Kif stqarr quddiem il-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi, Raymond Fenech, id-Direttur ta’ GEM Holdings Limited u Electro Gas Malta Limited, l-Enemalta kienet f’negozju kontinwu dwar ix-xiri ta’ fuel ipprovdut lilha. Wieħed ma jistax jinsa l-involviment dirett u oriġinali fit-twaqqif ta’ Electro Gas Malta Limited biex tinbena l-power station il-ġdida ta’ Delimara fejn protagonista assoluti kienu Joseph Muscat, Konrad Mizzi u Keith Schembri.

Quddiem l-istejjer u l-allegati skandi kbar li qed jispiċċaw joħorġu fil-pubbliku – anki invista tal-insistenza tal-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi, Robert Abela m’għandu l-ebda għażla oħra li jipprova jikkontrolla l-ħsara kbira li għaddejja kemm lill-gvern kif ukoll bid-dell ikreh fuq l-Enemalta.

Naturalment wieħed ma jridx jinsa wkoll li fin-nofs ta’ kollox hemm ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna bl-FATF tkompli tinsisti mal-Gvern Malti li jieħu l-miżuri kollha li hemm bżonn biex pajjiżna jiġġieled il-ħasil ta’ flus li kien għaddej sa mill-bidu nett tat-twaqqif tal-Electro Gas Malta mill-Gvern Laburista sa possibbilment illum fejn hu proprju minħabba f’hekk li l-Gvern Laburista għandu jdejh marbuta milli jraħħas il-kontijiet – bil-poplu kostrett jibqa’ jħallas prezzijiet ogħla.

Inutli l-argumenti artifiċjali min-naħa tal-Ministru Miriam Dalli, illum responsabbli mill-Enerġija u mill-Enemalta, biex tiġġustifika l-kontijiet ogħla mibgħuta fid-djar tal-Maltin u l-Għawdxin. Il-verità wara dan ix-xenarju kollu hu li l-poplu għandu Gvern Laburista li ħataf l-istituzzjonijiet kollha ta’ pajjiżna b’tali mod li mhux iħallihom jaħdmu.

Dawn l-aħħar ħatriet fl-Enemalta, ta’ Jonathan Cardona bħala Kap Eżekuttiv, kif ukoll ta’ Johnathan Scerri bħala Chairman, jiffittjaw preċiż f’dan il-kwadru biex Robert Abela jtaffi d-danni, u li d-danni jkunu mill-inqas. Aktar u aktar issa lejlet l-elezzjoni ġenerali fejn Robert Abela, dawn il-ħatriet u aktar oħrajn ippjanati għall-futur qrib, irid li Kastilja tibqa’ żżomm kontroll assoluta fuq dak kollu li jkun qed jiġri bl-anqas danni possibbli.

Tags