Futbol Sport

Hibernians b’rebħa faċli fuq Sliema

(Ritratt: Cathriel Farrugia)

SLIEMA ……………… 0

HIBERNIANS ……. 3

Sliema: T.Aquilina, P.Morales, K.Shaw, G.Aquilina, M.Fernandes (R.Sohna 59′), H.Warsama (I.Gui 67′), D.Holla (M.Scerri 68′), M.Beerman (O.Elouni 75′), J.Bliek, D.Vukovic, V.Berisha

Hibernians: I.Kone, F.Apap, L.Almeida, J.Grech (C.Uzeh 79′), J.Degabriele (M.Ellul 72′), B.Kristensen, D.Vella (A.Attard 90′), Thaylor (Z.Grech 90′), A.Agius, G.Artiles, W.Demoraud (B.Ihuomah 90′)

Referee: F.Zammit

Assistenti Referees: D.Sultana, P.Apap

Fl-Istadium Nazzjonali Hibernians għelbu faċilment lil Sliema bl-iskor ta’ 3-0. B’din ir-rebħa Hibernians żammew posthom fil-quċċata tal-klassifika b’16-il punt filwaqt li Sliema baqgħu fl-aħħar post bi 3 punti.

Matul l-ewwel 20 minuta Hibernians iddominaw il-pusses tal-ballun iżda ftit li xejn kienu perikolużi. Fil-21 minuta l-ewwel azzjoni perikoluża hekk kif il-freekick ta’ Wilfred Domoraud għadda ftit barra mil-lasti ta’ Timothy Aquilina. Hibernians ħasbu li marru fil-vantaġġ meta minn cross ta’ Wilfred Domoraud kien Jurgen Degabriele li kkonkluda fil-lasta, iżda l-gowl kien mħassar għal posizzjoni ta’ offside.

Biex fl-34 minuta Hibernians fetħu l-iskor meta kien Jurgen Degabriele li minn freekick preċiż għeleb lil Timothy Aquilina għal 1-0. Fis-36 minuta Sliema rreaġixxew meta l-freekick ta’ Danny Holla għadda ftit barra mil-lasti ta’ Ibrahim Kone. Fit-43 minuta Sliema resqu viċin il-lasti ta’Hibernians, meta wara azzjoni maħduma tajba fuq il-lemin, kien Kurt Shaw li ra l-konklużjoni tiegħu tgħaddi barra.

Fit-tieni taqsima Hibernians komplew juru s-superjorita’ tagħhom meta fis-57 minuta reġa’ kien Jurgen Degabriele li kkonkluda wara Aquilina. Biex erba’ minuti wara il-Pawlisti skorjaw it-tielet gowl tagħhom meta minn azzjoni personali kien l-attakkant Wilfred Domoraud li b’xutt minn tarf il-kaxxa tefa’ fix-xibka għal 3-0. Fis-66 minuta Hibernians spiċċaw jilagħbu b’10 plejers meta d-difensur Ferdinando Apap ntwera t-tieni karta safra għal foul Valmir Berisha.

Fit-73 minuta azzjoni perikoluża għal Sliema meta wara pass ta’ Gabriel Aquilina, kien is-sostitut Raphael Sohna li ra l-konklużjoni tiegħu salvata tajjeb minn Ibrahim Kone, bil-partita tintemm fi skor ta’ 3-0.