Lokali

Il-lista griża se tagħmilha diffiċli biex ikunu attirati n-nies lejn Malta

Personalità f’Malta fis-settur tal-gaming u li ilha f’pajjiżna tmexxi kumpanija ewlenija għal dawn l-aħħar disa’ snin, fissret li l-aħbar tal-greylisiting mill-FATF hi aħbar ħażina u b’numru ta’ konsegwenzi, bħall-ħsara għar-reputazzjoni.

“Malta hija ġuridizzjoni mniżżla fuq il-lista griża u se jagħmilha diffiċli biex tattira n-nies lejn Malta.” Din l-analiżi għamilha Enrico Bradmante, Fundatur tal-Gaming European Network, meta kien intervistat aktar kmieni minn Lea Hogg fil-programm fuq NET TV, Magħkom.

Hu fisser ukoll li aktar ma ddum biex toħroġ mil-Lista l-Griża, akbar tkun il-ħsara. Jekk kumpamnija tiddeċiedi li tiċċaqlaq minn Malta, din mhux se tirriversja tliet xhur wara jew sena wara. Mill-analiżi tiegħu ta’ kif qed jiżviluppaw l-affarijiet, u kif rappurtati wkoll fil-media, qed jantiċipa li s-sitwazzjoni mhix se titbiddel qabel sena – jew sena u nofs.

Minn dak li qed jingħad s’issa, jantiċipa li se jkun f’xi żmien fis-sena 2023 li Malta tkun tista’ toħroġ mill-greylisting. Enrico Bradmante jispjega li ġie Malta għal xogħol fl-industrija tal-gaming bħala Direttur Ġenerali għal waħda mill-akbar kumpaniji tal-gaming. L-istatistika turi li madwar 8 u 10 fil-mija tal-Prodott Gross Domestiku tal-pajjiż ġej mill-industrija tal-gaming – settur importanti b’madwar 8,000 impjieg. Is-settur iġib f’Malta ħafna ġid bħall-kiri ta’ appartamenti, spazju għall-uffiċċji, impjieg dirett u taxxi. Waqt li rrifera għad-deċiżjoni tal-FATF dwar il-greylisting ta’ Malta, Enrico Bradmante qal li l-lista griża hija aħbar negattiva.

“Il-kumpaniji li naħdem magħhom kollha għamlu pjani ta’ kontinġenza, speċjalment jekk huma elenkati pubblikament, u dan billi għandhom obbligu kbir. Li jkollok il-kwartieri ġenerali tiegħek ibbażat f’ġurisdizzjoni li hija fuq il-lista l-griża mhix tajba, u xi ħaġa li mhix aċċettabbli,” qal Enrico Bradmante.

Din hija waħda mill-problemi li teżisti għall-kumpaniji l-kbar li huma elenkati pubblikament. Sfortunatament hu spjega li ninsabu f’din is-sitwazzjoni u jekk inħarsu lejn il-vjaġġ mill-valutazzjoni tal-Moneyval għall-valutazzjoni tal-FATF, il-Gvern u l-awtoritajiet relevanti għamlu progress minħabba li Malta għaddiet 55 minn 58 mill-fallimenti li kienu ġew identifikati. Sfortunatament għad hemm tliet punti pendenti.

Hu kompla jfisser li hemm numru ta’ konsegwenzi, bħal ħsara għar-reputazzjoni. Malta hija ġuridizzjoni mniżżla fuq il-lista griża u se jagħmilha diffiċli biex tattira n-nies lejn Malta. Hemm ukoll xi diffikultajiet operattivi bħal ċaqliq ’il ġewwa u ’l barra ta’ flus minn banek barranin. Billi Malta hija ġurisdizzjoni ta’ riskju għoli, huwa meħtieġ enhanced due diligence. “Kull darba li jkolli nħallas il-flus, irrid nipprovdi iktar informazzjoni u dan jieħu aktar ħin. Il-ħin naturalment huwa spiża żejda”, qal Enrico Bradmante li fisser ukoll li se jkun iktar diffiċli li tattira nies lejn kumpaniji lejn Malta.

Fl-intervista, hu qal li l-industrija għadha tiddependi fuq l-importazzjoni ta’ talent barrani. Hemm ukoll xi diffikultajiet operattivi u għalhekk kull ħaġa li għandha x’taqsam ma’ trasferiment ta’ flus mill-banek barranin, issa qed jiġi skrutinizzat.

“Aħna ġurisdizzjoni ta’ riskju għoli u għalhekk kull min qed jagħmel negozju ma’ kumpaniji bbażati f’ġurisdizzjoni ta’ riskju għoli jkollu bżonn jagħmel enhanced due diligence. Kull darba li jkolli nħallas il-flus irrid nipprovdi informazzjoni addizzjonali u dan jieħu ż-żmien. Iż-żmien naturalment huwa spiża żejda li ma kellniex qabel.”

Fir-rigward tar-regolaturi fejn jidħlu liċenzjar ta’ kumpaniji f’Malta, hu fisser li jistgħu jew jieħdu l-istess approċċ, u jistgħu jkunu jixtiequ jagħmlu diligence dovuta mtejba, u għalhekk il-kisba ta’ liċenzji se tkun iktar diffiċli.

Tags