Lokali

L-għajdut ta’ Elezzjoni Ġenerali f’Novembru qed toħloq l-inċertezza – MaltaToday

Kemm il-Prim Ministru Robert Abela kif ukoll id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne baqghu evażivi milli jwieġbu b’mod ċar u tond jekk hux se ssir Elezzjoni Ġenerali sal-aħħar ta’ din is-sena jew le.

Dwar dan, il-ġurnal MaltaToday fakkar kif il-kelma qed tiġri fuq fomm kulħadd li l-Gvern tal-Labour qed jikkontempla li jseħħaħ elezzjoni fil-jiem li ġejjin …u li ħadd mhu se jkun sorpriż.

L-ispekulazzjoni dwar elezzjoni ġenerali f’Novembru bdiet tintensifika wara li ħarġet l-aħbar li ż-żjara tal-Papa Franġisku f’pajjiżna ġiet posposta, bir-raġuni uffiċjali tkun minħabba l-pandemija tal-COVID-19.

Madanakollu, meta kienu affacjati bid-domandi… kemm Abela kif ukoll Fearne baqgħu vagi ħafna mingħajr ma taw risposta ċara.

Din l-inċertezza kollha ċertament qed toħloq pressjoni fuq in-negozju bil-Kap Ezekuttiv tal-Kamra tal-SMEs Abigail Mamo tisħaq mal-MaltaToday li d-dubji dwar jekk Robert Abela hux se jsejjaħ Elezzjoni Ġenerali għal Novembru jew le qed jixħtu l-kummerċ f’limbu… u diversi negozji ma jistgħux jieħdu ċertu deċiżjonijiet għal qabel il-Milied. Hi saħqet li idealment il-poplu jkollu tweġiba ċara u tonda, u tinsisti illi l-aħjar deċiżjoni tkun li l-elezzjoni tiġi msejħa s-sena d-dieħla sabiex iż-żmien tal-Milied jitgawda ankè kummerċjalment.

Hija saħqet li ekonomikament l-aħjar għażla tkun li l-Gvern isejjaħ elezzjoni għall-ewwel kwart tas-sena hekk kif f’dan il-perjodu l-business ikun kwiet b’mod naturali.

L-istess appell sabiex tiġi eliminata l-inċertezza sar mill-President tal-Kamra tal-Kummerċ Marisa Xuereb …li minn naha taghha insistiet li m’ghandiex tiġi msejħa elezzjoni fil-perjodu festiv. Hija sostniet illi tistenna li r-rappreżentanti tal-poplu jkunu ċari f’diskorshom u mhux iħallu l-kumpaniji u n-negozji mdendlin …filwaqt li insistiet illi din hija mġieba inġusta.

Mal-MaltaToday, id-Direttur tal-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem Joe Farrugia saħaq illi filwaqt li meta tiġi msejħa elezzjoni hija prerogattiva tal-Prim Ministru, idealment ma tiġix imsejħa għal żmien il-festi. Għaldaqstant insista li l-aħjar ħaġa ghall-pajjiz tkun li jew tiġi msejħa malajr kemm jista jkun…inkella wara Jannar.