Internazzjonali

L-Indja: Diversi mejtin u midruba fl-għargħar ta’ Kerala

Talanqas 20 persuna tilfu ħajjithom f’għargħar li kaxkar l-artijiet lejn in-nofsinar tal-Indja u meta hemm ukoll rapporti dwar għexieren ta’ neqsin.

Is-sitwazzjoni hi dovuta għax-xita qliel li niżlet fuq ir-reġjun, bil-konsegwenza li x-xmajjar tal-inħawi faqgħu l-art.

Dan ukoll bir-riżultat li numru ta’ villaġġi u bliet spiċċaw inaċċessibbli minħabba l-għargħar qawwi u kontinwu.

L-aħħar rapporti qalu li l-gliegel tal-ilma kaxkru anki diversi djar, b’ħafna nies jispiċċaw f’zoni iżolati fid-distrett ta’ Kottayam, fl-Istat ta’ Kerala.  

Jiem konsekuttivi ta’ xita f’Kerala wasslu wkoll għall-valangi tal-art qattiela u issa l-membri tal-militar tal-Indja qegħdin jgħinu lill-iskwadri għall-emerġenzi biex isalvaw lin-nies minn ‘sitwazzjonijiet diffiċli’.

Fl-aħħar sigħat, numru ta’ ħelikopters kienu qed iwasslu l-provvisti flimkien ma’ membri tal-iskwadri tas-salvataġġ lejn l-ibnadi ta’ Kottayam, fost rapporti dwar residenti mirdumin taħt it-tifrik ikkaġunat mill-valangi.

L-indikazzjonijiet kienu li ċ-ċifra tal-mejtin mill-għargħar kellha titla’ sew u meta fl-aħħar sigħat intużaw iddgħajjes tas-sajd għall-evakwazzjoni ta’ residenti li sfaw iżolati f’Kollam u bliet oħrajn viċin il-kosta.