Sport Sport Ieħor

It-tim Malti tal-Weightlifting jirbaħ l-ewwel midalja tad-deheb fil-Kampjonati Ewropej tal-Pajjiżi ż-Żgħar

It-tim Malti tal-Weightlifting rebaħ l-ewwel midalja tad-deheb fil-Kampjonati Ewropej tal-Pajjiżi ż-Żgħar li qed isiru f’San Marino. It-tim Malti magħmul minn Anton Micallef, Shaun Ciantar u Vlad Baldacchino flimkien ma’ Roberta Tabone u Yazmin Zammit Stevens, għelbu kemm lill-Iżlanda kif ukoll lil Ċipru biex rebħu l-ewwel midalja tad-deheb għal Malta f’dawn il-Kampjonati. Ċipru temmew fit-tieni post filwaqt li l-Iżlanda spiċċaw fit-tielet post, segwiti minn Monaco fir-raba’ post, San Marino fil-ħames post u l-Lussemburgu fis-sitt post.

Fil-kategorija tal-irġiel fi Grupp A Vlad Baldacchino refa’ 126kg fl-isnatch u 157kg fil-clean and jerk, fejn kiseb 309 punti. Min-naħa l-oħra Anton Micallef refa’ 112 kg fl-isnatch u 135 kg fil-clean and jerk b’total ta’ 295 punt, biex temm fit-tieni post. Fi Grupp B Shaun Ciantar refa’ 105kg fl-isnatch u 125kg fil-clean and jerk, biex kiseb 285 punt.

Sadanittant, fil-kategorija tan-nisa Roberta Tabone kisbet l-aħjar riżultati personali tal-karriera hekk kif refgħet 84kg fl-isnatch u 105 kg fil-clean and jerk, u temmet b’234 punt. Min-naħa l-oħra l-atleta Olimpika Yazmin Zammit Stevens temmet b’85kg fl-isnatch u 102kg fil-clean and jerk, b’total ta’ 240 punt.

It-tim Malti kiseb total ta’ 1365 punt biex kisbu l-ewwel midalja tad-deheb fl-istorja fil-kategorija mixed.