Futbol Sport

Pembroke jibqgħu b’punti massimi

Rabat ……………………… 0
Pembroke ……………….. 2

Rabat: JM Vella, E. Lekaj, M. Aquilina, M. Cassar, B. Micallef, L. Vella, G. Poncet Otero, M. Bustos Angel, K. Muscat, W. Borg, Z. Tanti

Pembroke: M. Grech, A. Marshall, KP Farrugia, D. Sant, K. Frendo, J. Brincat, N. Pace Cocks, E. Ferreira, J. Suda, J. Bajada, S. Jankovic

Referee: Ezekiel Barbara

Rabat sofrew it-tieni terlfa tagħhom dan l-istaġun meta ġew megħluba minn Pembroke b’żewġ gowls skurjati fit-tieni taqsima. Pembroke b’hekk ikomplu l-mixja tagħhom fil-kampjonat b’punti massimi, hekk kif rebħu tlett logħbiet minn tlieta.

L-ewwel taqsima kienet ferm bilanċjata u ftit li xejn rat azzjonijiet denji ta’ nota. L-aħjar azzjoni waslet fid-39 minuta mingħand Pembroke, meta Frendo għadda ċentrali lejn Ferreira, iżda l-gowlkiper Vella laħaq interċetta tajjeb il-ballun qabel l-attakkant ta’ Pembroke kellu ċans jixxutja.

Pembroke fetħu l-iskor ħames minuti wara l-bidu tat-tieni taqsima, meta wara ġirja tajba fuq il-lemin, Suda għadda fin-nofs lejn James Brincat, li xeħet fir-rokna tax-xibka b’xutt fil-baxx. Fis-57 minuta, huma marru viċin li jirduppjaw l-iskor meta Bajada qassam il-logħob għan naħa l-oħra tal-ground, iżda x-xutt mill-ewwel ta’ Suda minn pożizzjoni ideali ġiet salvata tajjeb ħafna minn Vella.

L-aħjar ċans tal-partita għal Rabat wasal fis-77 minuta, meta minn freekick tas-sostitut Azzopardi, ix-xutt bid-dawra ta’ tas-sostutit ieħor Kanzurov ħabat mal-mimduda. Pembroke issiġillaw it-tliet punti fir-raba’ minuta tal-ħin miżjud grazzi għal Erikys Ferreira, li ħarab lid-difiża Rabtija u qabbeż il-ballun minn fuq il-gowlkiper Vella, biex għaqqad ukoll id-doppjetta personali tiegħu.

Marsa jirbħu b’gowls fit-tieni taqsima

Mġarr U. ………………….. 0
Marsa ……………………… 2

Mġarr U: T. Gauci, G. Milone, J. Davies, N. Friggieri, C. Gauci, J. Borg, K. Pulo, M. Attard, J. Micallef, G. Sant, S. Achaval.

Marsa: A. Cassar, D. Micallef, G. Virano, K. Aquilina, R. Fenech, S. Arab, S. Bezzina, M. Gauci, R. Darmanin, A. Samb, V. Alinho.

Referee: Daniel Portelli

Fit-tielet logħba tagħhom Marsa kisbu l-ewwel rebħa tal-istaġun meta b’żewġ gowls fit-tieni taqsima għelbu lil Mġarr 2-0. Rebħa mportanti għal Marsa għal moral u għal klassifika, iżda l-prestazzjoni hi xu ftit ‘l bogħod minn dak mixtieq.
Marsa bdew xi ftit aħjar u kellhom iktar pussess ta’ ballun iżda kienu Mġarr bl-ewwel opportunita’ wara kwarta bil-ballun jasal għand Sant li spara għoli minn qagħda ideali. Fit-22 minuta azzjoni ta’ Marsa u daqqa ta’ ras ta’ Ryan Darmanin tmur ferm ‘l bogħod mil-lasta ta’ Gauci.

Fil-25 minuta Samb daħal tajjeb fil-kaxxa iżda xeħet ftit għoli minn pożizzjoni angolata u erba’ minuti wara azzjoni ta’ Jean Borg li xeħet ftit għoli. Fl-40 minuta azzjoni fit-tul ta’ Marsa u xutt finali ta’ Samir Arab li għadda ftit ċentimetri bogħod minn sieq il-lasta.

Fil-bidu tat-tieni taqsima ċans tajjeb għal Ryan Darmanin li xeħet għoli fuq pass ta’ Gauci. Fil-65 minuta Marsa fetħu l-iskor meta l-goalkeeper ta’ Mġarr ma żammx xutt ta’ Arab u daħal Ryan Darmanin li spara fix-xibka. Mġarr ippruvaw iwettqu reazzjoni iżda kien Gauci li salva tajjeb fuq xutt ta’ Luca Brincat. Fit-78 minuta fawl fuq Kakinuma minn naħa ta’ Attard u mill-11-il metru Samb għalaq il-logħba b’xutt fil-baxx.