Lokali

Prim Ministru assenti u jżid l-inċertezza dwar l-elezzjoni

Hekk kif qed tkompli tikber l-ispekulazzjoni li l-Gvern Laburista se jmur għal elezzjoni bikrija… il-Prim Ministru Robert Abela ħass li m’għandux jindirizza l-attività politika tal-Partit Laburista tal-Ħadd filgħodu.

Din il-mossa kompliet toħloq inktar inċertezza fost diversi negozji u sidien ta’ ħwienet hekk kif Robert Abela ma jridx jaqta’ darba għal dejjem din il-kwistjoni, u għal darb’oħra ma qal xejn dwar il-possibbilta’ ta’ elezzjoni f’Novembru.

Dan kollu qed iseħħ f’perjodu meta l-businesses diga’ qed isibuh ferm diffiċli biex isibu saqajhom. Dan kien konfermat ukoll minn stħarrig tal-Kamra tal-Kummerċ, illi wera…fost l-oħrajn….li l-piżijiet fuqhom qed ikomplu jiżdiedu.

Prim Ministru li bl-assenza tiegħu għal darb’oħra reġa’ ma indirizzax il-problema tal-għoli tal-ħajja u l-anomaliji li jeżistu fil-mod ta’ kif qed jinħadmu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Problemi li qed iwasslu sabiex diversi familji, ħaddiema u anzjani mhux qed ilaħħqu sal-aħħar tax-xahar.

Fost il-magħżula biex jitkellmu waqt din l-attività politika dwar il-Budget, kien hemm il-Ministri Aaron Farrugia, Silvio Schembri u Clyde Caruana, il-President tal-Partit Laburista Ramona Attard u d-Deputat Oliver Scicluna… li kollha rrepetaw is-soltu retorika li mdorrijin nisimgħu mill-Gvern Laburista…fejn ma naqsux milli jattakkaw lill-Oppożizzjoni b’mod partiġjan.