Internazzjonali

Renju Unit: Ir-raġel suspettat dwar il-qtil tad-deputat Michael Amess qed jinżamm taħt l-abbozz tal-liġi magħruf bħala t-Terrorism Act

Ir-raġel li spiċċa arrestat mill-pulizija wara l-qtil  tad-deputat parlamentari Sir David Amess qed jinżamm taħt l-abbozz tal-liġi emendat dwar it-terroriżmu li hu magħruf bħala t-Terrorism Act.

L-omiċidju seħħ nhar il-Ġimgħa f’Leigh-on-Sea, f’Essex, u l-pulizija fl-aħħar sigħat identifikaw lir-raġel bħala Ali Harbi Ali, Britanniku ta’ oriġini Somala u li għandu  25 sena. Ir-rapporti qalu wkoll li l-awtoritajiet għandhom sa tmiem il-Ġimgħa biex ikomplu jinterrogawh dwar il-qtil ta’ Amess u għalissa mhumiex qed jingħataw wisq dettalji lill-pubbliku.

Sadanittant, hemm l-indikazzjonijiet li Ali Harbi Ali, xi snin ilu, kien ‘irreferut’ lill-awtoritajiet tal-Iskema ‘Prevent’ intiża biex tevita l-atti terroristiċi — iżda hu ma kien suġġett qatt għall-‘interess formali’ tal-aġenti sigrieti tal-M15. Hemm ukoll sinjali li Ali ‘ma kienx dam wisq’ involut fil-programm ‘Prevent’ li jipprova jevita sitwazzjonijiet fejn in-nies jistgħu jispiċċaw radikalizzati.

Fl-aħħar sigħat, intant, is-suspettat għadda minn ‘tieni proċess ta’ arrest’ taħt it-Terrorism Act u fejn minn Essex spiċċa trasferit lejn għassa tal-pulizija f’Londra. Dan waqt li l-ewwel investigazzjonijiet żvelaw motivazzjoni potenzjali b’rabta mal-estremiżmu Iżlamiku — bil-pulizija temmen li Ali Harbi Ali wettaq id-delitt waħdu u mingħajr għajnuna mingħand nies oħra.

David Amess, li kien ilu mill-1983 bħala deputat tal-Partit Konservattiv u li kien jirrappreżenta l-kostitwenza ta’ Southend West, qala diversi daqqiet ta’ sikkina mingħand l-aggressur waqt li hu kien qed jiltaqa’ mal-kostitwenti tiegħu fil-Knisja Metodista ta’ Leigh-on-Sea.

Intant, id-detektivs ingħataw permess mill-maġistrati biex iżommu lill-aggressur suspett taħt arrest sa nhar il-Ġimgħa, it-22 ta’ Ottubru – bir-rapporti jiżvelaw li l-pulizija rkupraw sikkina li ntużat ‘għall-attakk fuq id-deputat maqtul’.

Fi tmiem il-ġimgħa wkoll, l-uffiċjali tal-Pulizija Metropolitana, wettqu tfittxijiet fi tliet residenzi fiz-zona ta’ Londra u li qed jingħad li kienu relatati mal-investigazzjoni dwar il-qtil tad-deputat.

Sir David Amess kellu 69 sena u kien miżżewweġ b’ħames ulied . Intant, hu sar it-tieni deputat parlamentari li spiċċa maqtul fl-Ingilterra wara l-omiċidju tad-deputat Laburista Jo Cox li kien seħħ f’West Yorkshire. f’Ġunju tal-2016.