It-take-over ta’ Newcastle United minn konsorzju li jinkludi l-Fond għall-Investimenti Pubbliċi tal-Arabja Sawdija żgur li ma ssarrafx f’titjib immedjat (minn lat ta’ riżultati) għat-tim immexxi minn Steve Bruce — bil-Magpies isofru telfa, 2-3 ma’ Tottenham Hotspur f’St James Park. Minkejja l-aħbar tajba minn lat ta’ finanzjament għall-futur, l-istaġun qed jiżvolġi f’wieħed diżastruż għal Newcastle li fil-jiem li ġejjin mistennija jkeċċu lil Bruce bit-tama li jinqalgħu mill-post ta’ qabel l-aħħar fil-klassifika tal-Premier League. Il-logħba tal-bieraħ, intant, kienet l-1,000 waħda għal Bruce bħala manager ta’ klabb – u meta preżenti f’St James Park kien hemm in-non-executive chairman ġdid ta’ Newcastle Yasir Al-Rumayyan u Amanda Staveley, negozjanta ewlenija u llum waħda mis-stakeholders ġodda tal-klabb. Intant, kienu Newcastle li marru fil-vantaġġ minn Callum WILSON wara biss żewġ minuti, iżda minn dak il-ħin bdew jidhru ċari n-nuqqasijiet fit-tim tal-Geordies – bi Spurs jirkupraw tajjeb biex jaqilbu l-vantaġġ sal-mistrieħ. Kien Tanguy NDOMBELE (17) li għamilhom 1-1 b’xutt qawwi għar-rokna fuq l-assist ta’ Reguilon, b’Harry KANE jirdoppja għal Spurs ħames minuti wara grazzi għal xogħol tajjeb mill-midfielder Hojbjerg. Imbagħad fil-41 minuta, il-logħba twaqqfet minħabba emerġenza u wara li Sergio Reguilon informa lir-referi, Andre Marriner, li partitarju ta’ Newcastle fl-East Stand kien spiċċa fi bżonn urġenti ta’ intervent mediku.
Il-plejer ta’ Spurs, Eric Dier, ġera lejn it-touchline biex javża lill-istaff mediku dwar il-ħtieġa urġenti ta’ defibrillator – b’membri tal-istaff iwieġbu fil-pront għall-emerġenza fejn daħlu qalb il-folla, waqt li l-plejers kollha nġabru mat-touchline biex isegwu l-iżviluppi. Intant ir-referi Marriner ordna lill-plejers biex joħorġu mill-ground waqt li l-paramediċi kienu qed jassistu lill-partitarju – u bil-logħba tibqa’ wieqfa għal talanqas 20 minuta sakemm il-partitarju ddaħħal f’ambulanza u ttieħed lejn l-isptar, fejn kien irrappurtat f’sitwazzjoni stabbli. Il-logħba setgħet titkompla u l-waqfien fit-tul deher li favorixxa aktar lil Tottenham, li skurjaw it-tielet gowl tagħhom eżatt qabel il-mistrieħ.
Dan meta Harry Kane ħadem ballun tajjeb għal SON HEUNG-MIN biex jagħmilhom tlieta fir-raba’ minuta tal-ħin miżjud tal-ewwel taqsima. Newcastle naqsu minn reazzjoni fit-tieni taqsima u fit-83 minuta huma spiċċaw b’għaxra meta tkeċċielhom is-sostitut Jonjo Shelvey għal fawl ikrah fuq Reguilon. Intant, il-Geordies, fid-89 minuta, irnexxielhom inaqqsu d-distakk b’awtogol sfortunat ta’ Dier, iżda din kienet l-aħħar azzjoni denja ta’ nota, bil-logħba tintemm fost it-tisfir u espressjonijiet ta’ għadab mill-partitarji ta’ Newcastle.
Gowl uniku skurjat fit-tieni taqsima mid-difensur Angelo OGBONNA kien biżżejjed biex jagħti rebħa lil West Ham United fuq Everton f’Goodison Park. Il-konfront kien kumbattut iżda nieqes mill-opportunitajiet ta’ skor, għalkemm il-Hammers kienu l-aħjar tim għal ħafna ħinijiet u bis-suċċess tagħhom irid jitqies bħala meritat fiċ-ċirkustanzi. Fil-fatt, West Ham iddominaw l-ewwel taqsima mingħajr ma impenjaw serjament lil Jordan Pickford fil-lasta ta’ Everton. Intant, il-gowkiper tat-Toffees salva tajjeb ix-xutt insidjuż ta’ Jarrod Bowen waqt li Tomas Soucek kellu gowl imħassar għall-Hammers wara li ma rnexxilux jegħleb in-nasba ta’ offside.
L-attakkant Niġerjan ta’ Everton, Alex Iwobi, imbagħad falla ċans tad-deheb meta naqas milli jolqot il-ballun wara li spiċċa waħdu quddiem il-gowlkiper Fabianski. U filwaqt li Everton tjiebu fit-tieni taqsima, l-istess attakkant Niġerjan falla ċans tajjeb ieħor meta x-xutt tiegħu spiċċa imblukkat mid-difiża avversarja. Il-mument deċiżiv wasal fl-74 minuta, meta – fuq korner ta’ Bowen — Ogbonna għola fil-kaxxa u xeħet ġewwa għall-gowl importanti. Everton ma kellhom l-ebda risposta u għaldaqstant, intemmet is-sekwenza pożittiva tat-Toffees f’Goodison kemm ilhom taħt it-tmexxija ta’ Rafa Benitez. Ir-rebħa tfisser ukoll li West Ham issa qabżu lil Everton ( b’differenza ta’ gowls aħjar) fis-seba’ post tal-Premier League, bit-Merseysiders jinżlu fit-tmien post – u meta dawn iż-żewġ tims għandom 14-il punt kull wieħed.
PREMIER LEAGUE
Illum: Everton v West Ham 0-1, Newcastle v Tottenham 2-3 Għada: Crystal Palace v Arsenal 9.00pm
//= $special ?>