Wara dan il-pjan kollu l-Gvern Laburista jrid jilħaq numru ta’ skopijiet – l-opportunità li jagħmel aktar ħatriet għal tal-qalba kif dejjem għamel tul it-tmien snin li għaddew.
It-twaqqif mill-Gvern Laburista lejlet elezzjoni ġenerali ta’ tliet awtoritajiet u tinqatel Transport Malta, hi mossa oħra partiġjana u ta’ kontinwità ċara mill-Gvern ta’ Robert Abela favur il-politika ta’ Joseph Muscat. Transport Malta fi tlieta bi skuża biex jimpjegaw aktar nies tal-qalba.
Awtoritajiet ġodda b’aktar konfużjoni fil-gvern ta’ Robert Abela intiżi biex bla dubju ta’ xejn ikompli jkollu l-opportunità li jagħmel aktar ħatriet għal ta’ ġewwa kif dejjem għamel tul it-tmien snin li għaddew – ħatriet li huma biss kunsidrati bħala mossa oħra fl-interess, u li taqdi biss, lill-Partit Laburista. Mhux biss, jisfruttahom f’termini ta’ karrotta għal kaċċa tal-voti billi, lejlet elezzjoni jkunu mwiegħda impjiegi tajbin u pożizzjonijiet vantaġġużi.
Wara t-twaqqif ta’ Infrastruttura Malta li saret waħda mill-akbar ‘mostri’ mwaqqfa minn dan il-Gvern Laburista, issa jmiss il-mossa mħabbra fil-Baġit li tinqatel Transport Malta biex minflokha jitwaqqfu tliet awtoritajiet.
Il-Gvern ħabbar li se jkun qed iwaqqaf tliet awtoritajiet separati minn xulxin biex dak li llum qed isir fi ħdan Transport Malta, jibda jsir minnhom. It-tliet awtoritajiet ġodda li se jitwaqqfu mill-Gvern ta’ Robert Abela huma l-Awtorità tat Trasport fuq l-Art, l-Awtorità Marittima u l-Awtorità Avjazzjoni Ċivili. Għalkemm kien biss f’dawn il-jiem li saru magħrufa l-intenzjonijiet tal-Gvern Laburista fir-rigward tad-destin ta’ Transport Malta u t-twaqqif ta’ tliet awtoritajiet ġodda, kollox jindika li Ian Borg – il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttra u l-Proġetti Kapitali – ilu jaħdem bil-moħbi u minn wara dahar kulħadd fuq it-tfassil ta’ din is-separazzjoni.
Fil-fatt f’dawn il-jiem ukoll tħabbar li twaqqaf working group, immexxi mill-Prim Imħallef Emeritu Joseph Azzopardi, li se jkun qed jaħdem fuq it-tibdiliet li hemm bżonn mil-lat leġiżlattiv, amministrattiv u industrijali, biex issir il-qasma ta’ Transport Malta minn awtorità ewlenija għal tliet awtoritajiet indipendenti responsabbli għall-avjazzjoni, il-marittimu u tal-art, li joperaw taħt struttura ta’ governanza koordinata.
Il-membri l-oħra tal-working group huma l-Avukat Perit Robert Musumeci, Roberto Cristiano u Karl LaFerla. Tħabbar ukoll li l-Malta Maritime Forum u l-Aviation Stakeholders Forum bit-tmexxija tagħhom mill-Eks Imħallef Zammit McKeon u l-Eks Ministru Laburista Karmenu Vella rispettivament, se jkunu mistiedna mill-Kumitat waqt il-ħidma tagħhom. Fl-isfond ta’ dan ix-xenarju llum Il-Mument tista’ tiżvela kif wara dan il-pjan kollu l-Gvern Laburista jrid jilħaq numru ta’ skopijiet – l-opportunità li jagħmel aktar ħatriet għal ta’ ġewwa kif dejjem għamel tul it-tmien snin li għaddew.
Dawn it-tliet awtoritajiet ġodda se joffru l-opportunità mhux biss biex Ian Borg ikompli jissaħħaħ u jikber, imma, fl-istess waqt, isaħħaħ il-pożizzjoni fil-konfront tal-Ministru Miriam Dalli għal dak li jista’ jissuċċedi ’l quddiem. Hu fatt magħruf li Ian Borg għandu aspirazzjonijiet kbar quddiemu u jrid li dejjem ikun għal-lest kemm-il darba jkun hemm tibdil fiċ-ċirkostanzi kif seħħ f’din il-leġiżlatura bit-tluq ta’ Joseph Muscat.
Iżda bit-twaqqif ta’ dawn it-tliet awtoritajiet ġodda, sa minn issa lejlet elezzjoni ġenerali, irid li jisfruttahom f’termini ta’ karrotta għal kaċċa tal-voti billi jkunu mwiegħda impjiegi tajbin u pożizzjonijiet vantaġġużi.
Naturalment jekk Robert Abela u Ian Borg jistgħu jkunu qed ifasslu l-pjani tagħhom kif l-iffangar ikun jista’ jissokta u hekk jibqgħu mexjin fuq il-passi ta’ Joseph Muscat u l-klikka tiegħu, hemm membri oħrajn tal-Kabinett u l-Grupp Parlamentari Laburista li xejn ma niżlitilhom tajjeb din il-mossa, b’mod partikulari dawk fuq l-istess Distretti Elettorali ta’ Robert Abela u Ian Borg għaliex filwaqt li dawn se jkollhom opportunitajiet aġġunti oħrajn biex jikkaċċjaw għall-voti, mhux daqstant se jkollhom huma biex jagħmlu l-istess.
Ta’ min ifakkar li l-Awtorità tat-Trasport f’Malta twaqqfet 12-il sena ilu minn Gvern immexxi mill-Partit Nazzjonalista biex tikkoordina aħjar is-setturi tat-trasport.
//= $special ?>