Internazzjonali

Belarus: Jitkeċċa l-ambaxxatur Franċiż fost il-pika mal-Ewropa

L-ambaxxatur Franċiż għall-Belarus, Nicolas de Lacoste, telaq mill-pajjiż wara li l-Gvern ta’ Minsk iffissalu perjodu ta’ żmien speċifiku biex jitlaq.

Kelliema għall-ambaxxata qalu li de Lacoste, fil-fatt, ‘telaq mill-Belarus fl-aħħar sigħat’ u wara li kien ilu biss mill-aħħar xhur tal-2020 f’dan il-pajjiż.

L-istampa lokali, intant, qalet, li l-ambaxxatur kien naqas milli jippreżenta l-kredenzjali tiegħu lill-President tal-Belarus, Alexander Lukashenko.

Franza, l-istess bħal pajjiżi oħrajn tal-Unjoni Ewropea, ma rikonoxxietx ir-rebħa ta’ Lukashenko fl-elezzjonijiet tas-sena l-oħra għall-Presidenza tal-Belarus. U filwaqt li Lukashenko spiċċa biex rebaħ sitt mandat konsekuttiv biex imexxi pajjiżu  ma waqfux l-akkużi dwar frodi u irregolaritajiet ‘favur il-Gvern ta’ Minsk’ fl-elezzjonijiet inkwistjoni.